Select Page

M’haju allibbirari hija t-tieni wirja għal Rebecca Ranieri. Iżda f’din il-wirja, għad-differenza tal-ewwel waħda, Rebecca se tkun qiegħda tesibixxi waħedha. L-ewwel wirja tagħha kienet dik li ttellgħet waqt ProTaGoNiesTea.


Ranieri ma tridx tillimita ruħha għal-limitazzjonijiet u għall-mistoqsijiet li jaf jiġu imposti fuqha meta tiġi identifiktata bħala artista. Fl-istudjow tagħha, tingħalaq f’dinja għaliha, fejn kollox jintefa’ u l-mistoqsijiet jissiktu. Hemm toħloq figuri li iktar jorbtuha mad-dinja spiritwali milli dik reali. Figuri misterjużi, sfukati li jinħolqu anke b’użu ta’ tekniki spontanji. Tintilef f’dinja oħra biex toħloq esseri li permezz tagħha aħna wkoll, l-osservaturi, nistgħu napprezzaw xi tħoss u x’qiegħda tara waqt dawn il-mumenti intimi; waħedha msakkra fl-istudjow tagħtina ċans inkunu preżenti għall-ħsus tagħha.


M’haju allibbirari hija frażi Siċiljana, li tfisser “Irrid nillibera lili nnifsi”. Rebecca kibret bid-djalett Siċiljan madwarha, permezz ta’ nannuha, minn età żgħira kienet tqatta’ kull Sajf ġewwa Sqallija. Permezz ta’ din il-wirja, Ranieri tixtieq toħloq rabta u kuntatt ma’ dik il-parti fiha li baqgħet tappartjeni għal Sqallija. Ma’ mumenti, memorji u ħsus li għadhom iħufu fiha u li jaf hi stess mhux dejjem konxja tagħhom.

Il-kunċett ta’ din il-wirja jdur madwar armla Siċiljana, armla li tilfet kull tip ta’ affezzjoni li tista’ toffrilha d-dinja. Tgħaddi l-ġranet msakkra waħedha fid-dlam, imdawra bil-memorji, bid-dlam u bis-skiet, skiet li jtarrax. Titrejjaq minn din is-sofferenza biss meta tpinġi.


Rebecca Ranieri trid teħodna lura permezz ta’ din l-armla, fi żminijiet oħra meta l-mewt kienet tinħass preżenti. Li minn żmien il-Griegi kienu jqabbdu lill-qaddejja tagħhom idoqqu mużika tal-mewt. Iktar ‘il quddiem fiż-żmien iżda li kważi, kważi minsija ġewwa Sqallija, il-familjari tal-mejjet kienu jduru madwaru u permezz ta’ kant kienu jitkellmu miegħu. Jitkellmu miegħu bi ħlewwa u jfakkruh f’mumenti sbieħ u koroh li għaddew flimkien; jistaqsuh mistoqsijiet li se jibqgħu mingħajr tweġiba għalihom; jesprimu d-diżappunti tagħhom b’ton t’affettwazzjoni; jirringrazzjawh tal-għerf li għex bih u li għad jirrikorru għalih fil-futur.

F’kelma waħda, ipinġu bi kliem ix-xeni ta’ matul il-ħajja tal-mejjet. Fl-isfond ta’ dan kollu kien ikun hemm ukoll għajjat u twerżiq għat-telfa li ġarrbu.


Kienu jinkrew ukoll bekkejja, piagnone, nisa li jiġu mħallsa sabiex jibku lill-mejjet. Il-kulur iswed kien il-kulur tal-viżtu, tal-ħwejjeġ, tal-biċċiet tad-drapp li jiġu marbuta bħala referenza mal-bieb tad-dar li soffra telfa; tal-velijiet u tad-drapp użat fil-kamra tad-dfin.
Illum nistkerħu u nevitaw is-suġġett tal-mewt. Nittrattawh bħala suġġett li ma jikkonċernaniex, bħala xi ħaġa li mhux se taffettwana personalment imma tikkonċerna dejjem lil ħaddieħor. Fil-passat, kienet storja oħra, il-mewt kienet dejjem preżenti; kienet xi ħaġa familjari u dejjem iddur mas-saqajn. Il-fatt li l-ħajja tal-bniedem kienet iqsar minn dik tal-lum kien ikompli jsaħħah dan il-fatt, speċjalment bl-ammont kbir ta’ mwiet tat-tfal minħabba n-nuqqas t’avvanz li kien għad hawn fil-mediċina.


Rebecca Ranieri f’M’haju allibbirari qiegħda tissombolizza dan kollu permezz t’armla Siċiljana. Armla Siċiljana tipika li tħaddan l-uġigħ li ġġib magħha t-telfa, tħalli dan l-uġigħ jikkunsmaha u twerżaq twerżiq li ħadd ma jista’ jisma’ għax hu twerżiq ġewwieni. Ma tridx toħloq wirja tal-ħsus tagħha, trid biss tpinġi.


Kull biċċa arti f’din il-wirja tirrapreżenta frazzjoni partikolari mid-dinja intima u sentimentali ta’ Rebecca. Il-memorji, il-ħsibijiet u l-ħsus.


Din il-wirja se tittella’ bejn il-25 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021, ġewwa Art by the Seaside, 65, Triq il-Mina tax-Xatt, Senglea.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks