Tant kemm kienet żgħira l-kamra, li s-sodod kienu fuq xulxin, kien hemm tavolin żgħir armat b’żewġ tazzi, tapit imgerrem fin-nofs u tieqa żgħira iżgħar minn rasi. Ħassejt in-nifs kważi se jinqata’.
“Issa għada filgħodu mmorru għall-apparat ta….” qalli ħija. “Jekk trid toħroġ ftit, kif qiegħed hawn……”
“Waħdi?” staqsejtu.
“B’daqshekk! Tgħid mhux se jisirquk! Fik daqs ġolf!”
“Imma aħna ġejna ma’ xulxin…..” bdejt ngħidlu.
“U ajma Mike, taf li għandek tletin sena skorruti? Għadek qisek tarbija!” smajtu jidħak.
Ħassejtni urtat b’dak il-kliem. U anke l-attitudni tiegħu. X’affarijiet dawn! Kultant vera kien jaf kif għandu jaħraqni!
Għalhekk, qbadt ilbist l-eħxen xalla li kont ġibt miegħi, ħadt il-kopja taċ-ċavetta li kienet tatna t-tfajla taċ-ċrieki suwed taħt għajnejha u ħriġt.
Ngħid il-verità, vera ħadt gost. Ma kienx iddispjaċieni li dort ftit waħdi. Londra għoġbitni ħafna. Rajt il-ferroviji li kien hemm, il-postijiet ta’ divertiment, kull ġens ta’ nies, imxejt tul il-pontijiet li kienu jaqsmu x-xmara Thames, rajt il-Big Ben, ġonna u postijiet ta’ rilassament, mort ħdejn il-palazz tar-reġina u vera ma ħassejtnix iddispjaċut li kont ħriġt indur dawra f’din il-belt tassew sabiħa. Ma tantx kelli ħin, iżda gawdejt. Lanqas kont indunajt li kien kważi dalam ċappa. Kien propju dak il-ħin li qabdet ix-xita u ġrejt kemm flaħt lura ħalli nasal fil-lukanda.
Malli dħalt lura fil-kamra, indunajt li kont sirt imxarrab għasra.
Għalaqt il-bieb warajja u ħadt nifs twil. Propju dak il-ħin, li imsaħt wiċċi u ħarist madwar il-kamra, indunajt li ħija kien diġà rieqed fis-sodda ta’ fuq. Għalhekk ma xegħeltx id-dawl, iżda kelli biżżejjed dawl tal-binjiet tal-faċċata u l-ħwienet li kien ġej mit-tieqa.
“Mela ma ħriġtx?” bdejt ngħidlu, hekk kif bdejt ninża ħwejġi u nagħmilhom fuq il-heater li kien hemm taħt it-tieqa. Ħarist barra mit-tieqa. Dawl u kuluri. Xtaqt domt aktar f’din il-belt sabiħa. Iżda mhux ġo din il-lukanda!
Ma weġibnix. Iżda stajt nisma’ l-ħsejjes tan-nifsijiet tiegħu kontinwament.
Ħassejtni ninkwieta għalih. Tgħid ma ħareġ imkien? Tgħid kien iddispjaċih li qalli hekk u wara xtaq joħroġ miegħi?
Issa m’hemmx x’tagħmel, komplejt naħseb waħdi, hekk kif dħalt fis-sodda tan-naħa t’isfel. Għalaqt għajnejja. Il-ħsejjes ġejjin mill-kmamar l-oħra, it-taħbit fuq l-injam u ż-żaqżiq tal-bibien bdew idejquni.
“Newwilli tazza ilma……” smajt lil ħija jgħidli mis-sodda ta’ fuq.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi