Ralf Rangnick, li għandu 63 sena u li kiseb suċċess fil-Ġermanja, qed iħalli xogħlu bħala kap tal-isports u l-iżvilupp f’Lokomotiv Moscow biex jieħu r-rwol wara li laħaq ftehim ma’ Manchester United biex isir il-maniġer interim tagħhom.
Il-ftehim li ntlaħaq huwa li Rangnick jibqa’ f’dan ir-rwol għal 6 xhur, sal-aħħar ta’ Mejju, imbagħad huwa se jkollu sentejn oħra fi rwol ta’ konsulenza.
Ole Gunnar Solskjaer tkeċċa minn maniġer ta’ Manchester United wara t-telfa ta’ 4-1 kontra Watford. Ir-riżultat ħallihom fit-tmien post fil-Premier League.
Manchester United għamluha ċara li se jfittxu li jimpjegaw maniġer interim sal-aħħar tal-istaġun u l-għażla tagħhom kienet waħda ċara wkoll għaliex mill-ewwel avviċinaw lil Rangnick.
Rangnick mexxa lil Hannover, Schalke, Hoffenheim u RB Leipzig. Huwa ħa wkoll lit-tim Ġermaniż mhux magħruf ta’ Ulm fil-Bundesliga għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom fil-bidu ta’ dan is-seklu.
Rangnick kellu wkoll suċċess sinifikanti bħala direttur tal-futbol.
