Il-varjant Omicron x’aktarx jinfirex aktar u joħloq riskju globali għoli ħafna skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li wissiet li żidiet ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn dan il-varjant jista’ jkollhom konsegwenzi severi f’xi żoni.
Dan għaliex il-possibilità ta’ trażmissjoni ta’ dan il-varjant hija ħafna iktar għolja minn oħrajn.
Sadanittant aktar pajjiżi madwar id-dinja qed jikkonfermaw li sabu każijiet tal-varjant Omicron.
Ir-Renju Unit identifika disa’ każijiet s’issa, b’sitta minnhom irrappurtati fl-Iskozja.
L-Olanda u l-Portugall identifikaw 13-il każ kull wieħed, bil-każijiet tal-Portugall jinstabu fost tim tal-futbol ta’ Lisbona, wara li plejer riċentament irritorna mill-Afrika. It-13-il każ Olandiż instabu wara li passiġġieri li waslu mill-Afrika t’isfel ġew ittestjati fl-ajruport ta’ Schiphol ta’ Amsterdam.
Il-Ġermanja sabet tliet każijiet, filwaqt li l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Belġju għandhom mill-inqas każ kull wieħed. L-Awstrija wkoll ingħaqdet mal-lista tal-pajjiżi li ddikjaraw l-ewwel każ identifikat tagħhom.
L-Awstralja u l-Kanada ħabbru wkoll li sabu każijiet tal-varjant Omicron.
