Cristiano Ronaldo jgħid li l-editur ta’ France Football Pascal Ferré gideb meta qal li l-attakkant Portugiż qallu bl-ambizzjoni tiegħu li jirtira b’aktar blalen tad-deheb minn Lionel Messi
Ferré, li jorganizza l-premjijiet, tkellem mal-gazzetta New York Times qabel iċ-ċerimonja ta’ din is-sena fejn ġie rrappurtat li żvela informazzjoni minn konverżazzjoni privata ma’ Ronaldo.
Skont in-New York Times, Ferré sostna li Ronaldo qallu li l-unika ambizzjoni li għandu hi li jirtira b’aktar blalen tad-deheb minn Messi.
B’reazzjoni għal dan, Ronaldo qal li Pascal Ferré gideb, u li uża ismu biex jippromwovi lilu nnifsu u biex jippromwovi l-pubblikazzjoni li jaħdem għaliha.
Żied jgħid li huwa dejjem jirbaħ għalih innifsu, għall-klabbs li jirrappreżenta u għal min iħobbu, u mhux jirbaħ kontra xi ħadd. Qal ukoll li l-akbar ambizzjoni tal-karriera tiegħu hija li jħalli ismu miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-futbol dinji.
