Select Page

Diċembru, ix-xahar ta’ bejn Novembru u Jannar, u t-tnax u l-aħħar xahar tal-kalendarju Gregorjan.

Għal uħud dan ix-xahar huwa meqjus bħala l-isbaħ xahar tas-sena, anke minħabba l-festi u t-tradizzjonijiet marbuta miegħu, filwaqt li għal oħrajn, dan ix-xahar inissel fihom dieqa għal xi raġuni jew oħra.

Minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet u t-tradizzjonijiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, għalina l-Maltin dan ix-xahar huwa sinonimu wkoll ma’ l-akbar avveniment ta’ karità li jsir kull sena, L-Istrina. Il-ġurnata fejn fiha jinġabru l-fondi b’risq il-Community Chest Fund.

Nistgħu ngħidu li wara li sa ftit ġranet ilu konna għadna qed nesperjenzaw ġranet pjuttost sħan għal dan iż-żmien tas-sena, f’dawn l-aħħar ġranet qed ikollna temperaturi aktar kesħin, eżatt fil-ħin biex nibdew ix-xahar ta’ Diċembru f’atmosfera iktar xitwija li ddaħħalna aktar fl-ambjent ta’ dawn il-festi.

Bħal kull xahar ieħor, hemm fatti u kurżitajiet interessanti dwar Diċembru li possibilment ma tafx, u aħna skoprejna wħud minnhom:

Diċembru kien wieħed mix-xhur oriġinali fil-kalendarju Ruman tal-qedem, li kien jintuża minn madwar 750 QK sal-45 QK. F’dan il-kalendarju Ruman oriġinali, Diċembru kien fil-fatt l-għaxar xahar. Dan il-post kien fil-fatt jagħmel ħafna aktar sens għal Diċembru, peress li l-isem ta’ dan ix-xahar ifisser l-“għaxar xahar”. Meta Ġulju Ċesari biddel il-kalendarju fl-45 QK għall-kalendarju Ġiljan, huwa żied xahrejn, Jannar u Frar, li ġew imdaħħla fil-bidu tas-sena kalendarja. Dawn il-bidliet wasslu biex Diċembru ikun ix-xahar bl-isem ħażin!

Fil-5 ta’ Diċembru tal-1901, daħlet fid-dinja ftit maġija flimkien mat-twelid ta’ Walt Disney. Disney ħareġ l-ewwel cartoons tiegħu, li kien fih il-Mickey Mouse, imsejjaħ Steamboat Willie fl-età ta’ 27. Sakemm kellu 54 sena, l-imperu ta’ Disney kiber fid-daqs bil-bini ta’ Disneyland f’Anaheim, Kalifornja. Illum Disney hija kelma komuni fid-djar madwar id-dinja għan-numru li ma jispiċċa qatt ta’ kotba, cartoons, films u forom oħra ta’ divertiment maħluqa mill-kumpanija Walt Disney.

Diċembru oriġinarjament kellu biss 30 jum skont il-kalendarju Ruman tal-qedem. Meta l-kalendarju ġie mibdul għall-kalendarju Ġiljan , Diċembru kiseb ġurnata oħra, li għamlu s-seba’ u l-aħħar xahar fis-sena b’31 jum.

Fit-8 ta’ Diċembru tal-1991, il-kapijiet tal-Federazzjoni Russa (RSFSR), ir-Repubblika tal-Belarus u l-Ukrajna ffirmaw il-ftehim dwar it-twaqqif tal-Commonwealth tal-Istati indipendenti, li mmarka t-tmiem tal-Unjoni Sovjetika.

L-Anglo-Sassoni oriġinarjament kellhom l-ismijiet tagħhom għal dan ix-xahar. Wieħed minn dawn l-ismijiet kien Winter Monath, li ovvjament ifisser “xahar tax-xitwa”.

Fl-10 ta’ Diċembru tal-1896, miet il-persuna li ħoloq l-idea tal-premju Nobel, Alfred Nobel. Fit-testment tiegħu, Nobel iddikkjara li l-ġid akkumulat tiegħu jintuża biex jagħti premjijiet lill-membri tas-soċjetà li jagħmlu kisbiet kbar fl-avvanz tal-umanità. Uħud mir-riċevituri l-aktar famużi tal-premju Nobel jinkludu Albert Einstein, Marie Curie, Martin Luther King Jr. u Madre Tereża.

Isem ġdid għal Diċembru daħal fis-seħħ wara li ħafna Anglosassoni ġew konvertiti għall-Kristjaneżmu. F’konformità mat-twemmin ġdid tagħhom huma kienu jsejħu Diċembru Heligh Monath, li jfisser “xahar qaddis”.

It-28 ta’ Diċembru kien meqjus għal eluf ta’ snin bħala l-iktar jum tas-sena li jġib sfortuna. L-oriġini ta’ din is-superstizzjoni tinsab fl-istorja ta’ Kristu, peress li kien jingħad li f’dan il-jum is-sultan renjanti Erodi ordna l-qtil tat-trabi subien kollha f’tentattiv biex jinqatel Ġesù Kristu. Sa relattivament reċentement kien ikkunsidrat li jkollok sfortuna jekk tibda x-xogħol, avventuri ġodda jew kwalunkwe ħaġa f’dan il-jum.

Dan ix-xahar għandu żewġ tipi ta’ fjuri sinonimi miegħu. L-ewwel waħda hija l-Holly, li nsibuha dejjem matul dan iż-żmien. Fi żminijiet aktar reċenti, il-berries ħomor tal-Holly intqal li jirrappreżentaw il-feriti mdemmija ta’ Ġesù Kristu hekk kif kien imsammar mas-salib. Jekk tħares aktar lura fiż-żmien iċ-Ċelti kienu jemmnu li l-Holy ġġib xorti tajba u protezzjoni. It-tieni fjura hija n-Narcissus Paperwhite, li ġejja mill-familja tan-narċis komuni li jiffjorixxi fix-xitwa. Din il-fjura jingħad li tissimbolizza l-ħlewwa.

Fil-21 ta’ Diċembru tal-1846, intużat l-anestesija għall-ewwel darba fuq pazjent minn Dr Robert Liston fl-isptar tal-kulleġġ tal-università f’Londra.

Hemm ħafna festi reliġjużi importanti matul Diċembru. Nies minn reliġjonijiet differenti jiċċelebraw tradizzjonijiet differenti, bl-Insara jiċċelebraw il-Milied u l-Lhud jiċċelebraw Hanukkah. Filwaqt li l-Milied jiġi ċċelebrat fl-24 u l-25 ta’ Diċembru, li jiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Kristu, Hanukkah tiġi ċċelebrata fil-25 jum ta’ Kislev, fil-kalendarju Ebrajk. Fil-kalendarju Gregorjan komunement rikonoxxut, dan normalment ikun bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-aħħar ta’ Diċembru, u jiċċelebra u jiċċelebra l-qawmien tal-Lhud kontra l-oppressori Griegi/Sirjani tagħhom, kif ukoll id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-tieni tempju f’Ġerusalemm fit-2 seklu AD.

Għalik, xi jfisser dan ix-xahar?

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks