L-atturi Toni Busuttil u Jackie Bartolo, il-kantanti Ruth Portelli, Rachel Lowell u Michela Galea, kif ukoll Chris the Fire Eater, se jkunu fost il-mistednin ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20:30.
Bi preżentazzjoni ta’ Corazón Mizzi, din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistednin. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.
Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċenji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin 80 u s-sena 2010.
Minbarra l-mużika, l-ingredjent ewlieni wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistednin li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettatri.
Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenege.
Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.
