Fl-2016, il-manuskritt Stessi ta’ Matthew Schembri ġie magħżul bħala wieħed mir-rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba, Letteratura għaż-Żgħażagħ, organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u wara, fl-2018, ġie ppubblikat mill-Merlin Publishers.

Għal diversi raġunijiet, fosthom, minħabba r-responsabbiltà li premju bħal dan iġib miegħu u anki minħabba raġunijiet ta’ saħħa, Schembri ma setax jikteb. Alllura ddeċieda li, minflok, jibda jħassar. Iħassar partijiet mill-ewwel rumanz tiegħu nnifsu, Stessi.

Hawnhekk, b’hekk, twieled il-proġett Ħassartek.

Ħassartek jikkonsisti f’żewġ preżentazzjonijiet differenti, imma relatati ma’ xulxin: bħala pubblikazzjoni u bħala wirja tal-arti.

Ritratt: Giola Cassar u Jean Marc Zerafa

Il-pubblikazzjoni Ħassartek tinkludi 231 poeżija tat-tħassir, poeżija maħluqa minn kull paġna tal-ewwel rumanz tal-awtur. Dan huwa l-ewwel ktieb bil-Malti tal-ġeneru tal-poeżija tat-tħassir u l-wirja, li ġġib l-istess isem u li hija kkurata minn Prof Raphael Vella, tista’ titqies bħala estensjoni ta’ din il-pubblikazzjoni.

Flimkien mal-kopja fiżika ta’ Stessi li l-poeta-artist ħadem fuqha biex ħoloq Ħassartek u filmat li juri l-proċess kollu tal-proġett, il-wirja tinkludi installazzjoni tal-arti magħmula minn 231 gomma. Wara li ġie ppubblikat Ħassartek, Schembri għażel kelma waħda minn kull poeżija u kull kelma trasferixxiha fuq gomma. Il-viżitaturi huma mistednin li jieħdu magħhom gomma tal-għażla tagħhom, u, b’hekk, il-proċess tat-tħassir jitkompla b’diversi modi.

Ritratt: Giola Cassar u Jean Marc Zerafa

Il-ktieb qed jinbiegħ matul il-wirja għall-prezz speċjali ta’ 7 ewro. Iktar informazzjoni dwar din it-tieni pubblikazzjoni ta’ Schembri tista’ tinstab hawnhekk: Ħassartek — Matthew Schembri

Il-wirja qed isseħħ ġewwa Studio Solipsis, ir-Rabat, Malta u għandha miftuħa sas-26 ta’ Diċembru min-nhar t’Erbgħa sa nhar ta’ Ħadd mill-10:00 sat-15:00.

Iktar informazzjoni dwar din it-tieni wirja tal-arti ta’ Schembri tista’ tinstab hawnhekk: ‘Ħassartek’: A Solo Art Exhibition by Matthew Schembri | Facebook

Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Filmat: Johann Caruana

Min hu Matthew Schembri?

Matthew Schembri hu kwiet imma m’għandux kwiet: dejjem jaħseb, jaqra, jistudja, jirriċerka, jiddisinja, jikteb, iħassar dak li jikteb … u jitkellem mal-kelb u l-qattusa tiegħu. Meta ma jkunx qed jisma’ lil Lady Gaga, ikun mitluf fid-dinja ta-letteratura, f’dik tal-arti viżiva, jew xi mkien bejniethom. Rebaħ Divergent Thinkers 04 fl-2015, il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 fl-2017 u Shifting Contexts fl-2019. Fl-2018 ingħata l-premju għall-ewwel Artist Żagħżugħ tas-Sena mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks