Ifhem, kont naf li biex joqgħod jinżel minn hemm fuq kien se jkollu kedda akbar minni. Għalhekk, qomt, qbadt tazza minnhom, mort għamiltha taħt il-vit (għax kienu qaluli li l-ilma tal-vit fl-Ingilterra tajjeb għax-xorb) u mlejtha.
Mort ħdejn is-sodda u poġġejthielu eżatt fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda.
Dħalt lura f’soddti.
“Vera hawn sabiħ,” bdejt inparla. “Ħadt gost. Int mort xi mkien?”
Ma weġibnix.
Ma kellux aptit kliem donnu.
“Il-lejl it-tajjeb……” għalaqt għajnejja u ħallejt in-ngħas jiġri bija.
Kienu eżattament il-ħamsa ta’ filgħodu.
Smajt taħbita qawwija ġejja mill-bieb tal-kamra.
Inħsadt. Qomt bilqiegħda fuq is-sodda. Tgħid min kien ġie dal-ħin? Bdejt ninkwieta.
Taħbita oħra.
Ħadd ma kellu jiġi.
Imma jekk ma niftaħx, it-taħbit kien se jqajjem lukanda sħiħa!
Barra kien għadu d-dlam. Ħriġt mis-sodda, xegħelt id-dawl tal-kamra, ilbist il-kowt li kont ħallejt jinxef mill-ilma u b’għajnejja mżellġin, ftaħt il-bieb tal-kamra.
Inħsadt.
Ħija.
Ħija kien quddiemi.
“Leonard……mela ħriġt kmieni dalgħodu?” għidtlu, inħares lejh iċċassat.
“Naf, Mike. Naf. Aħfirli.”
Daħal ġewwa u għalaq il-bieb warajh.
“X’inti tgħid?” staqsejtu. Ma stajt nifhem xejn.
“Mike, naf li tiddejjaq tgħaddi l-lejl waħdek,” qalli. “Skużani. Imma tant kemm ħadt gost li ma kellix aptit niġi naħli l-ħin hawn ġew norqod!”
Ħassejtni nibbies qisni statwa tal-ġebel.
“Xiex?” staqsejtu. “Jiġifieri int qed tgħidli li għaddejt il-lejl barra?”
“Iva aħfirli Mike!” irrepeta Leonard.
Dawwart ħarsti lejn is-sodda ta’ fuq li kellha l-kutri mħarbtin kollha.
U fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda rajtha.
Tazza tal-ilma.
Imma t-tazza kienet vojta.
“Donnu ma kontx waħdi Leonard,” għidtlu.

Avukata u Awtriċi