L-esploratur Pierre Farrugia qasam magħna avventura li se teħodna sabiex naraw is-sbuħija li toffri l-Blata tal-Melħ u ta’ madwarha.
Il-Blata tal-Melħ tinsab fil-kosta tal-Baħrija viċin l-Imtaħleb u l-isem tagħha ġej proprju mis-salini, li wieħed isib f’dan il-post.

Sabiex wieħed jasal f’dan il-post irid jimxi madwar 45 minuta fuq art imħarbta u fl-aħħar hemm niżla wieqfa ħafna.

Hawn min jgħid li kien negozjant Taljan li għamel dawn is-salini tal-melħ u li kien hu li ta l-isem lil dan il-post.

Issib ukoll żewġ turġien, wieħed biex tinżel ħdejn is-salini u l-ieħor biex tinżel sal-baħar.

B’dan it-taraġ il-ħaddiema kienu jġorru l-melħ għal fuq id-dgħajjes. Meta jkun maltemp wieħed irid joqgħod attent ħafna għax il-baħar ikun perikoluż ħafna.

Hawn wieħed jista’ anke jsib lapida ta’ Carmelo Micallef li kien tilef ħajtu wara li mewġa kaxkritu l-baħar waqt li kien qed jistad hawn.

Minkejja li xi partijiet mill-avventura huma xi ftit diffiċli, iżda xħin tasal fil-post żgur li ma jiddispjaċikx li rnexxielek tagħmilha!

Segwi l-avventura permezz ta’ dan il-filmat:
