F’intervista, Ed Sheeran żvela storja li minkejja taf tnissel tbissima wkoll setgħet spiċċat ħażin!

Sheeran qal li f’mument waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-kanzunetta li niedew ftit ġranet ilu, Merry Christmas, kważi qatel lil Elton John.

Huwa qal li fix-xena fejn hu jidher liebes ta’ “sexy santa”, ta’ daqqa ta’ sieq lil rigal li fuqu kellu qanpiena kbira tal-metall, li taret u għaddiet bl-eżatt minn ħdejn ras Elton John.

Kurżità oħra interessanti hija li attriċi u żeffiena Maltija ħadet sehem fil-vidjow mużikali!

Giulia Rose, li tgħix Londra, ġiet infurmata ġurnata biss qabel il-ġbid li kienet ġiet magħżula biex tkun parti minn dan il-vidjow mużikali.

L-artista Maltija qalet li kien biss meta rathom li bdiet temmen li kellha opportunità bħal dik ma’ żewġ stilel tal-mużika. Hija tiddeskrivi l-esperjenza bħala waħda li ma tinsa qatt.

L-istilla ta’ Bad Habits, ta’ 30 sena u l-leġġenda tal-mużika Sir Elton John, ta’ 74 sena, niedew il-kollaborazzjoni tagħhom il-ġimgħa li għaddiet.

Il-kanzunetta bħalissa riesqa lejn in-numru 1 fil-klassifika tas-singles tar-Renju Unit u hija waħda mit-tliet kanzunetti tal-festi li John u Sheeran kitbu flimkien.

Din il-kanzunetta hija l-ewwel diska tal-Milied ta’ Sheeran, filwaqt li John huwa magħruf għall-kanzunetta tiegħu tal-Milied tal-1990 Step Into Christmas.

Huwa mifhum li l-Vidjow mużikali huwa maħdum biex jagħti ġieħ lil xi kanzunetti klassiċi tal-Milied u joħloq mill-ġdid xeni emblematiċi minn Last Christmas ta’ Wham, Merry Christmas Everyone ta’ Shakin’ Stevens, Walking in the Air ta’ The Snowman u Stay Another Day ta’ East 17.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks