L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li kważi 70 staff mediku li attendew party kbir tal-Milied fin-nofsinhar ta’ Spanja, irriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Ħafna mit-68 infettat huma tobba u infermiera li jaħdmu fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar reġjonali ta’ Málaga.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li kienu kollha fil-party li għalih attendew madwar 170 persuna.

Il-mistednin kollha rriżultaw negattivi qabel l-avveniment iżda aktar minn nofs issa jinsabu iżolati.

L-awtoritajiet qalu li l-istaff infettat kienu kollha kompletament imlaqqmin u m’għandhom l-ebda sintomi.

Din it-tifqigħa żiedet it-tħassib dwar ir-riskju tat-tixrid tal-Covid f’avvenimenti soċjali matul il-perjodu tal-Milied.

L-awtoritajiet tas-saħħa fl-Andalusija kienu taw parir lill-istaff tal-Isptar biex ma jattendux festini tal-Milied, sabiex jittaffa r-riskju ta’ aktar tixrid.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez ħeġġeġ lin-nies biex joqgħodu attenti matul il-vaganzi tal-Milied

Bħal ħafna pajjiżi Ewropej, Spanja rreġistrat żieda fl-infezzjonijiet tal-Covid f’dawn l-aħħar ġimgħat, li tqajjem tħassib dwar possibilità ta’ raba’ mewġa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks