Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-Sibt l-ilbies tal-maskra se jkun obbligatorju mhux biss f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa imma wkoll barra, fil-miftuħ, anke jekk persuna tkun waħedha.

Żied jgħid li l-maskra se tibqa’ obbligatorja f’postijiet pubbliċi kollha, inkluż f’postijiet tax-xogħol, skejjel, mezzi ta’ trasport pubbliku u oħrajn.

Huwa qal li l-għan ta’ din il-miżura flimkien mal-għoti tal-booster huwa li nsalvaw il-Milied.

Fakkar ukoll li min se jlaqqa’ n-nies fid-dar tiegħu f’dan iż-żmien ta’ festi, wieħed għandu jżomm sa massimu ta’ 4 households.

Aktar kmieni dan ix-xahar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci wkoll appellat biex jekk wieħed se jistieden lin-nies fid-dar tiegħu għandu jżomm numru żgħir ta’ nies u jaqsamhom f’ikliet żgħar minflok ikliet kbar.

Id-Deputatat Prim Ministru qal li fil-pajjiżi Ewropej kollha qed jerġgħu jiddaħħlu l-miżuri u r-restrizzjonijiet, madanakollu s’issa f’Malta għad m’hemmx ħsieb li jiddaħħlu aktar miżuri li jaffettwaw in-negozji u l-ħajja soċjali.

Qal ukoll li huwa mistenni li f’Malta jkun hawn żieda fin-numru ta’ każijiet minħabba li l-immunità ta’ min ħa t-tilqima bdiet nieżla, u anke għax fil-ġranet tal-festi l-attività soċjali tiżdied sew.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks