New Zealand qed tippjana li tipprojbixxi t-tipjip għall-ġenerazzjoni li jmiss sabiex qatt ma jkunu jistgħu legalment jixtru t-tabakk fil-pajjiż.
Taħt leġiżlazzjoni ġdida proposta, l-età legali ta’ 18 għax-xiri tat-tabakk se tiżdied progressivament. Dan ħabbruh l-awtoritajiet tas-saħħa ta’ New Zealand f’konferenza tal-aħbarijiet. B’din il-liġi jridu jiżguraw li ż-żgħażagħ qatt ma jibdew ipejpu għaldaqstant persuni li jkollhom 14-il sena meta tidħol fis-seħħ il-liġi qatt mhu se jkunu jistgħu jixtru legalment it-tabakk.
Il-gvern qed jippjana li jressaq l-abbozz quddiem il-parlament fl-2022 bħala parti minn kampanja biex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fil-komunità għal inqas minn 5 fil-mija sal-2025.
13.4 fil-mija tal-popolazzjoni adulta ta’ New Zealand huma kklassifikati li jpejpu. Dan niżel minn 18.2 fil-mija fl-2011/12, iżda bejn 4,000 u 5,000 persuna jmutu kull sena minn mard relatat mat-tipjip, skont il-Ministeru tas-Saħħa.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li flimkien mal-liġi proposta, il-gvern se jagħti prijorità lill-miżuri ta’ sapport prattiċi għal min ipejjep biex jgħinhom jieqfu.
