Il-Gvern tal-Awstrija mmexxi mill-konservattivi ta dettalji dwar il-pjan tiegħu li jagħmel il-vaċċini tal-Covid-19 obbligatorji. Dan se japplika għal nies minn 14-il sena ‘l fuq u dawk li jirrifjutaw milli jitlaqqmu jeħlu multi li jitilgħu sa 3,600 ewro kull tliet xhur.
Madwar 68 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Awstrija hija kompletament imlaqqma kontra l-Covid-19, waħda mill-inqas rati fl-Ewropa tal-Punent. Ħafna Awstrijaċi huma xettiċi dwar il-vaċċini, opinjoni mħeġġa mill-Partit tal-Ħelsien tal-lemin estrem, it-tielet l-akbar partit fil-parlament.
Hekk kif kien hemm żieda kbira fl-infezzjonijiet tliet ġimgħat ilu, il-gvern ħabbar ir-raba’ lockdown nazzjonali u qal li se jagħmel it-tilqim obbligatorju għal kulħadd, l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jagħmel dan.
Il-mandat tal-vaċċin, li jrid jiġi approvat mill-parlament, għandu jibda fi Frar u jdum sa Jannar tal-2024. Żewġ partiti tal-oppożizzjoni jappoġġjawh, u dan jindika li l-mandat għandu jgħaddi faċilment.
