New Zealand tgħaddi liġi li tagħmilha aktar faċli biex wieħed jibdel is-sess irreġistrat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid mingħajr ma jipprovdi evidenza ta’ proċedura medika.
Din il-liġi hija maħsuba biex tirrikonoxxi d-dritt għall-minoranzi tas-sessi li jidentifikaw ruħhom.
Il-Ministru għall-Affarijiet Interni ta’ New Zealand qalet li din il-liġi tfisser li l-parlament ivvota favur l-inklussività u kontra d-diskriminazzjoni.
Filwaqt li wieħed jista’ jibdel is-sess fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ġiet introdotta fl-2018, l-applikanti kienu mitluba juru li għaddew minn trattament mediku biex jibdlu s-sess tagħhom. L-abbozz ta’ liġi dwar ir-reġistrazzjoni tat-twelid, mewt, żwieġ u relazzjoni, li għadda unanimament, ineħħi dak ir-rekwiżit.
Il-Ministru qalet li din il-liġi se tagħmel differenza kbira għall-komunità LGBTIQ+. Żiedet tgħid li l-liġi se tappoġġja liż-żgħażagħ u tagħtihom il-libertà li jgħixu l-identità tagħhom, li tippromwovi s-saħħa mentali u s-sens ta’ benessri tagħhom.
New Zealand ingħaqdet ma’ madwar 15-il ġurisdizzjoni barranin li għamlu t-tibdil tas-sess fuq dokumenti aktar sempliċi, inklużi diversi pajjiżi tal-Amerika Latina, u pajjiżi Ewropej bħad-Danimarka u Spanja.
