Donald ħares lejn il-ħajt abjad tal-kamra, għal mument mitluf fi ħsibijietu.
Barra mit-tieqa ta’ fejn kien qiegħed, kien hemm ambjent totalment differenti minn dak li kien qiegħed fih hu.
Hemm barra.
Fjuri sbieħ u kkuluriti kkultivati sew fi ġnien imdaqqas mimli siġar kbar u passaġġi sbieħ bejn ħitan baxxi tas-sejjieħ tradizzjonali Maltin.
Reġa’ semagħha tokrob bl-uġigħ.
Dawwar ħarstu malajr lejn martu.
L-isbaħ mara li qatt kien ra.
Imma llum kienet qiegħda tbati.
U hu ma xtaqx jaraha hekk.
Il-majjistra u ż-żewġ infermiera kienu qiegħdin iduru magħha qisha kienet xi vażun fraġli mkisser biċċiet, donnhom jippruvaw jinkullawh b’mod perfett.
Ma’ idha l-leminija kellha dripp u kienet ilha titgħawweġ bl-uġigħ fuq dik is-sodda għal dawn l-aħħar sitt sigħat.
Taħt l-għajnejn sbieħ ċelesti li kellha, kienu tfaċċaw dwawar skuri kulur il-qalziet iswed li kellu fuqu hu.
Kien ilu ħafna jipprova jagħmlilha kuraġġ.
Idejha kienu qiegħdin jagħfsu u jġebbdu fil-liżar abjad li kellha taħtha, wiċċha kien imħallat bejn għaraq iġelben ma’ ħaddejha u l-ilma fietel li kienu qiegħdin ixappulha bih l-infermiera. Saqajha kienu miftuħin beraħ, stirati bl-uġigħ li donnu kien qed jiżdied fil-qilla tiegħu u kellha kollox għall-apert.
“Antonia……….” kien qed jgħid minn taħt l-ilsien, kważi b’karba monotona li ħadd ma kien qed jisma’ jew jagħti kas. L-għajjat tal-uġigħ tagħha ma felħux aktar, donnu aktar ma kien qed jgħaddi ħin aktar kien qed jagħfas fuq il-vini ta’ moħħu!
Imma kienu qiegħdin jieħdu ħsiebha! U ma kellux għalfejn jagħmel fratterija!
Dak il-ħin, Donald reġa’ ħares għall-miljun darba lejn l-arloġġ plejn li kien hemm imdendel mal-ħajt faċċata.
Kemm kienet se ddum!
U reġa’ dawwar ħarstu lejha, jinkedd u jantiċipa dak il-mument li fih kellu jara lit-tarbija għall-ewwel darba.
Kienet qiegħda żżomm żaqqha u tonfoħ ‘il barra u ġewwa.
Kemm kienet sabiħa Antonia!
Antonia tiegħu.
Għalkemm dan l-aħħar, żaqqha kienet saret goffa wisq u ħaddejha kienu ntefħu xi ftit bit-tqala u donnha saħansitra anke l-kulur tal-ġilda tagħha kienet ġiet aktar ruxxana, kulħadd kien jgħidilha kemm kienet mara sabiħa.
U anke hu.
Anke hu kien raġel twil, mibni, xagħru folt u jleqq. Par għajnejn ċari kulur il-baħar u wiċċ perfett li ftit kont issib bħalu.
U ovvjament, peress illi kienu ilhom miżżewġin għal dawn l-aħħar sentejn, kienu ħasbu biex ikollhom tarbija.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks