Ftit ġranet ilu ġiet imnedija kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ Milied fil-Qalb, flimkien ma’ vidjow mużikali, li diġà qed tintlaqa’ tajjeb ħafna mill-pubbliku.
Il-kantawtur Kurt Cassar, li s-sena li għaddiet kien il-moħħ wara l-interpretazzjoni Maltija tal-kanzunetta We Are The World, flimkien ma’ Mark Spiteri Lucas ħolqu din il-kanzunetta li twassal messaġġ ta’ ferħ u mħabba.
Milied fil-Qalb, twassal il-messaġġ li l-Milied nistgħu ngħixuh kuljum u mhux darba f’sena biss. Li nsibu dak li jagħmilna kuntenti, ngħożżu lil xulxin u nkunu hemm għal xulxin kuljum sabiex inżommu l-istess ferħ tal-Milied f’qalbna matul is-sena kollha.
L-interpretazzjoni tinvolvi bosta kantanti popolari Maltin fosthom Olivia Lewis, Mike Spiteri, Fiona Cauchi, Georgina Abela, Christian Arding, Kurt Cassar, Claudio Castelletti tal-grupp Malti ‘Kantera’, Mark Anthony, Mark Spiteri Lucas, Laura Bruno, Lawrence Grey, Martina Fenech, Ivan Spiteri Lucas u Krista, Vince Fabri, Dan, Marie Claire, Maria Luana, Victorio u Clive, Nicole Vella, Chanelle Monsigneur u oħrajn.
Hemm ukoll is-sehem ta’ kor tat-tfal u personalitajiet popolari Maltin fosthom Hector Bruno u Eileen Montesin flimkien ma’ atturi popolari oħrajn.
Kanzunetta li ċertament se tibqa’ tmiss il-qlub tal-Maltin u Għawdxin għal diversi snin.
