Milied Kuljum, b’kitba ta’ Etienne Micallef u kompożizzjoni ta’ The JoyGivers, hija kanzunetta li nkitbet ftit xhur ilu u li tiġbor fiha l-elementi essenzjali marbuta mal-festa tal-Milied u twaħħadhom flimkien. Fiha referenzi li jeħduna lura fil-passat fejn kienu jindaqqu strumenti li llum qalja għadna nisimgħu bihom u saru jiffurmaw parti mill-folklor tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi.

Il-kanzunetta tinkludi l-għerf ta’ missirijietna għaliex tiġbor fiha wkoll xi qwiel assoċjati ma’ dan il-perjodu. Naturalment ma jonqosx li jissemmew tradizzjonijiet li jeħduna fil-kċina bħall-imbuljuta jew il-qagħaq tal-qastanija. L-ispirtu jkompli jiżdied bl-armar fid-dar li llum sar jibda minn kmieni u bit-tiżjin tipiku ta’ din il-festa.

Il-kanzunetta tagħmel referenza wkoll għall-għanja ‘Ninni la tibkix Iżjed’ li tista’ titqies bħala l-aktar għanja Maltija popolari ma’ dawn il-festi. Fil-kanzunetta jsib postu wkoll il-presepju li jirrappreżenta dak li ġara Betlem aktar minn elfejn sena ilu, imma l-aktar ċentrali għandu jibqa’ l-Bambin li jekk inħalluh imexxina matul is-snin, il-Milied ikun kuljum. Jgħidu x’jgħidu, il-Milied jibqa’ fil-qalb tal-Maltin għax f’din il-festa jitgħaġnu flimkien it-tradizzjonijiet, l-armonija fil-familja, il-ferħ, l-hena u l-Bambin Ġesù. Nagħmlu tajjeb għalhekk li ninsew id-differenzi bejnietna mhux biss fil-Milied imma matul is-sena kollha.” jgħidilna Etienne, l-awtur tal-kanzunetta.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks