Luca Piscopo, ġuvni ta’ 15-il sena minn Napli, miet wara li kien mar jiekol ikla sushi flimkien ma’ sħabu.

Ftit sigħat wara l-ikel beda jħossu ma jiflaħx, b’deni qawwi, dijarea u rimettar. Sħabu li kienu miegħu wkoll kellhom sintomi ta’ avvelenament mill-ikel, b’wieħed minnhom ġie iddijanjostikat b’sintomi kkawżati mis-salmonella.

Qalb Luca waqfet nhar it-2 ta’ Diċembru. Bħalissa qed jiġu investigati kemm it-tabib li rah u tah il-mediċina għas-sintomi li kellu kif ukoll sid ir-ristorant Ġappuniż, minn fejn Luca kiel is-sushi.

L-investigaturi jridu jkunu ċerti jekk kienx hemm mard ieħor qabel jew jekk il-mewt tiegħu setgħetx verament tkun konnessa mas-sushi, anki jekk il-membri tal-familja tiegħu qed isostnu li Luca kien f’saħħtu, kif ukoll jekk it-tabib tahx il-mediċina t-tajba.

Sadanittant, ir-ristorant mistenni jibqa’ miftuħ sakemm joħroġ ir-rapport tal-awtopsja li jkun jindika b’mod ċar il-kawża tal-mewt tal-ġuvni.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks