Ir-Reġina ddeċidiet li tikkanċella l-ikla tradizzjonali ta’ qabel il-Milied ma’ membri oħra tal-Familja Rjali minħabba l-biża’ u tħassib dwar iż-żieda ta’ każijiet tal-Covid-19 fir-Renju Unit.
Sors ta’ Buckingham Palace ikkonferma li d-deċiżjoni li tiġi kkaċellata l-ikla hija bħala prekawzjoni hekk kif il-varjant Omicron qed ikompli jinfirex madwar il-pajjiż, għaliex tista’ tpoġġi f’riskju l-arranġamenti tal-Milied ta’ wisq nies.
L-ikla tas-sena l-oħra wkoll ġiet ikkanċellata minħabba l-kriżi tal-Covid-19.
Din it-tradizzjoni ilha ssir għal ħafna snin, fejn ir-Reġina tistieden lil uliedha, neputijiet u proneputijiet tagħha biex jingħaqdu magħhom f’Buckingham Palace qabel ma titlaq lejn Sandringham għall-vaganzi tal-Milied.
Il-palazz bħalissa għaddej minn xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ qabel il-Milied tagħti ċans lir-Reġina li tqatta’ l-ħin mal-qraba li ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw lejn Norfolk għal Jum il-Milied.
Normalment jiġu mistiedna wkoll membri oħrajn tal-familja inklużi l-kuġini tar-Reġina, il-Gloucesters, id-Duka ta’ Kent u oħrajn.
Dan il-Milied huwa l-ewwel wieħed tar-Reġina mill-mewt ta’ żewġha, id-Duka ta’ Edinburgu.
