Select Page

“Minjaf kemm se tkun sabiħa t-tarbija! Sabiħa bħalkom it-tnejn!” kienu ta’ spiss ilissnulhom in-nies.
U ma tantx damet aktar.
Ibnu Adam James twieled eżatt mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħaxija.
U hekk malli rah għall-ewwel darba, Donald ħass għoqla tiela’ fi griżmejh.
Ibnu.
Suppost kellu jkun ferħan.
Suppost kellu jitbissem.
Ibusu.
Jgħannqu.
Suppost…………
Ra wiċċ martu jinbidel hekk ukoll malli tefgħet għajnejha fuqu.
Jiqras.
Jiddarras.
Dawk li kien hemm fil-kamra magħhom donnhom ippruvaw isabbruhom.
Donnhom ippruvaw jifirħulhom.
Donnhom…………..
Imma Donald bilkemm felaħ iċaqlaq xufftejh.
Hekk.
F’temp wieħed, ħass griżmejh jixxuttaw u rasu ddur bih.
Dan.
Dan kien ibnu.
Ma kienx kif kien qed jimmaġinah.
Kien ikrah.
Iva, ikrah.
Għajnejh żgħar żgħar kienu kważi deformati.
Xufftejh ma kinux kif suppost.
Rasu ovali.
U lanqas il-biki tiegħu ma kien wieħed ġust.
U ħass li għal mument, Donald kellu jgħattilu wiċċu.
Kien inħasad.
Iva, kien inħasad mhux ftit.
U hekk malli ħaduh id-dar, ma kienx hemm bżonn kliem bejniethom.
Qatgħu l-festini.
Ma baqgħu jistiednu lil ħadd id-dar.
Antonia ma baqgħetx toħroġ aktar mill-bieb ‘il barra.
Allaħares kellu jarah xi ħadd!
Ma ridux li xi ħadd jitfa’ għajnejh fuqhom!
Adam James ma kienx denju li jissejjaħ binhom.
Ma kien jixbaħ lil ħadd minnhom!
U ma kienx sabiħ!
Le, ma kienx sabiħ bħalhom!
U għaddew erba’ snin.
Erba’ snin eżatt.
Kienu ilhom jaħbuh hemm ġew f’darhom minn meta twieled.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks