Dan l-aħħar qamet kontroversja dwar il-fatt li wħud, inkluż il-kummissarju Ewropew għall-ugwaljanza, Helena Dalli, qed jissuġġerixxu li nbiddlu l-kelma “Milied” fl-awguri tagħna f’dan iż-żmien għal “vaganzi”, minħabba li l-kelma Milied tista’ ddejjaq lil xi wħud bi twemmin differenti.
Din il-kontroversja qajmet bosta reazzjonijiet, partikolarment ta’ rabja minn dawk li assolutament ma jaqblux li dan għandu jsir.
B’reazzjoni għal dan, Mark Laurence Zammit, qasam filmat fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, fejn staqsa kif ħafna Maltin qed jiddefendu l-Milied meta skont hu, ma fadal xejn mill-ispirtu tal-Milied.
Fost oħrajn, hu staqsa kif Malta tista’ tiddefendi u tinkwieta li mhux se tkun tista’ tiċċelebra l-festa ta’ bniedem li ġie fid-dinja biex jgħidilna la tibżgħux, meta tara l-korruzzjoni u tibqa’ b’ħalqha magħluq għax tibża’ mill-poter.
“L-ikbar farsa mhijiex li qed jeħdulna l-Milied, imma li aħna għadna naħsbu u nemmnu li vera għad fadlilhom xi Milied x’jeħdulna. X’fadlilna mill-ispirtu tal-Milied? X’qed niddefendu eżatt?” – Mark Laurence Zammit
