Il-Kummisjoni Ewropea awtorizzat il-ħames vaċċin kontra l-Covid-19 bl-isem ta’ Novavax, għal persuni minn 18-il sena ‘l fuq.
Id-deċiżjoni tiġi hekk kif ħafna nazzjonijiet Ewropej għaddejjin bil-ġlieda tagħhom kontra ż-żidiet fl-infezzjonijiet u fost tħassib dwar it-tixrid tal-varjant il-ġdid omicron.
Il-kumpanija tan-Novavax tgħid li qed tittestja kif il-vaċċin se jaħdem kontra l-omicron, u bħal manifatturi oħra bdiet tifformula verżjoni aġġornata li tipproteġi aktar kontra l-varjant f’każ li eventwalment ikun meħtieġ.
Ħafna dwar l-omicron għadu mhux magħruf, inkluż jekk jikkawżax sintomi inqas severi. Ix-xjentisti jgħidu li l-Omicron jinfirex saħansitra aktar faċli minn varjanti oħra tal-Covid-19, inkluż id-delta, u huwa mistenni li jsir dominanti f’xi pajjiżi sal-bidu tas-sena d-dieħla.
Xjentisti qed jgħidu li s’issa studji qed juru li min hu mlaqqam għandu bżonn ukoll il-booster biex ikun aktar protett mill-omicron, imma anki mingħajr il-booster, it-tilqima xorta għandu joffri protezzjoni qawwija kontra sintomi severi u mewt.
It-tilqima Novavax tingħaqad ma’ dawk Pfizer-BioNTech, Moderna, Johnson & Johnson u AstraZeneca bħala l-vaċċini awtorizzati mill-UE.
L-UE ordnat 100 miljun doża ta’ Novavax b’għażla ta’ 100 miljun aktar. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ewwel dożi huma mistennija li jaslu kmieni fl-2022. L-istati membri tal-UE ordnaw madwar 27 miljun doża għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
