Select Page

Il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli relatati maċ-ċertifikati tat-tilqima tal-Covid-19.

Iċ-ċertifikat tat-tilqima jrid jiġġedded kull 9 xhur, preċiżament wara 270 ġurnata.

L-għan ta’ dan huwa li jiggarantixxi li l-miżuri tal-ivvjaġġar ikomplu jiġu kkoordinati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew wara l-aħħar laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta’ Diċembru.

Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li r-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli hekk kif ukoll kriterji oġġettivi.

Il-Kummmisjoni Ewropea qalet li ċ-ċertifikat diġitali tal-Covid-19 kien suċċess, għaliex ikompli jiffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea matul dawn iż-żminijiet tal-pandemija.

S’issa, inħarġu 807 miljun ċertifikat fl-UE. Iċ-ċertifikat diġitali stabilixxa standard globali b’madwar 60 pajjiż u territorju madwar ħames kontinenti ssieħbu mas-sistema s’issa.

Ir-regoli l-ġodda għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE jarmonizzaw ir-regoli differenti madwar l-Istati Membri. Dan il-perjodu ta’ validità jqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li tirrakkomanda t-teħid tal-booster sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tlestija tal-ewwel sensiela ta’ tilqim.

Aktar kmieni dan ix-xahar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li fiż-żmien li ġej il-booster se jkun inkluż fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin mal-kumplament tad-dożi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks