Select Page

“L-2022 trid tkun is-sena li ntemmu l-pandemija” – WHO

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li l-vaganzi tal-festi f’ħafna postijiet iwasslu għal żieda ta’ każijiet, pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u aktar imwiet. Għaldaqstant huwa qed iħeġġeġ lin-nies biex jipposponu l-laqgħat u l-avvenimenti ta’ dan iż-żmien hekk kif il-varjant omicron qed ikompli jinfirex madwar id-dinja.

Huwa qal li l-varjant omicron qed jinfirex aktar malajr mill-varjant Delta u qed jikkawża infezzjonijiet f’nies diġà mlaqqma jew li rkupraw mill-Covid-19. Il-varjant issa ġie skopert f’mill-inqas 89 pajjiż u wassal lil bosta gvernijiet jimponu miżuri ta’ trażżin aktar stretti matul il-perjodu ta’ dawn il-festi.

Il-WHO qalet li l-każijiet qed jirduppjaw kull 1.5 sa 3 ijiem f’żoni ta’ trażmissjoni fil-komunità. L-omicron issa huwa wkoll il-varjant dominanti fl-Istati Uniti, li jammonta għal 73 fil-mija tal-infezzjonijiet kollha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet minn nhar it-Tnejn, il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qal li li kemm dawk li jfasslu l-politika kif ukoll il-pubbliku jkollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli sabiex jasal iż-żmien li nerġgħu lura għan-normal.

Żied jgħid li lkoll kemm aħna ddejjaqna b’din il-pandemija u rridu nqattgħu ħin mal-ħbieb u l-familja, u llkoll irridu nerġgħu lura għan-normal. Għaldaqstant huwa qal li l-aktar mod mgħaġġel biex nagħmlu dan huwa li kulħadd, mexxejja u individwi, irid jieħu deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn biex nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn.

Avveniment ikkanċellat huwa aħjar minn ħajja mitlufa,” qal il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks