L-MUMN qed tappella biex jitwaqqfu l-operazzjonijiet li mhumiex urġenti minħabba li l-isptar bħalissa jinsab mimli b’pazjenti b’kundizzjonijiet mediċi oħra u ma jiflaħx għal aktar. Tiddeskrivi s-sitwazzjoni f’Malta bħala waħda li sejra mill-ħażin għall-agħar u tgħid ukoll li daqstant ieħor is-sitwazzjoni fl-isptar hija waħda serja.
Issostni li dan huwa l-prezz għoli li lkoll irridu nħallsu biex il-bars u stabbilimenti oħra tad-divertiment baqgħu miftuħa.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet ukoll li l-miżura attwali tal-ilbies tal-maskra fit-toroq hija biss miżura politika mingħajr sinifikat xjentifiku biex jitnaqqas in-numru ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19 li dejjem qed jiżdied, u li dan huwa ppruvat mill-fatt li miżura bħal din ma għamlet l-ebda impatt fit-tnaqqis ta’ każijiet.
Żiedet tgħid li l-Gvern mhuwiex qed jirrispetta lill-infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa, u huwa aktar inklinat li jogħġob l-industrija tad-divertiment mill-professjonisti tas-saħħa li qed jaħdmu taħt pressjonijiet kbar.
Għaldaqstant, skont l-MUMN, il-Gvern naqas milli jipprevjeni is-sitwazzjoni preżenti billi ħalla l-bars miftuħa u ma sar l-ebda trażżin, u dan ma jistax ikompli jseħħ.
L-MUMN qed tappella lill-pubbliku ġenerali biex ma jmurx f’bars u diskoteki u jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.
Ittemm l-istqarrija billi tgħid li l-pubbliku jrid jifhem li n-numri qatt mhu se jonqsu waħedhom jew bil-miżuri attwali, għaldaqstant qed tappella lill-gvern biex b’urġenza jdaħħal aktar miżuri drastiċi fl-interess tas-saħħa tal-popolazzjoni.
