Select Page

Żmien il-Milied hu l-isbaħ żmien tas-sena għal ħafna nies. Id-dwal, il-mużika, l-ikliet, il-familja; kollha huma raġunijiet li l-Milied iġib ħafna ferħ u eċitament. Però, għal xi wħud, dan iż-żmien hu diffiċli immens.

Għal min tilef lil xi ħadd għażiż, il-Milied jista’ jġib lura memorji ta’ wġigħ. Ikun hemm dawk li jkunu tilfu lill-għeżież waqt iż-żmien tal-Milied, allura dejjem jiftakru fil-mewt f’dan iż-żmien. Ikun hemm ukoll dawk li avolja ma tilfux lill-għeżież waqt il-Milied, xorta jiftakru f’mumenti sbieħ li kienu qattgħu ma’ dik il-persuna waqt dan iż-żmien u jħossu dwejjaq kbar.

Hemm dawk li jħossuhom anzjużi fi żmien il-Milied għax ikun hemm ħafna affarijiet xi jsiru: xiri ta’ rigali, infiq żejjed, tisjir, tindif eċċ. Iħossuhom ma jistgħux ilaħħqu ma’ kollox u jħossuhom overwhelmed.

Ikun hemm ukoll dawk li jħossuhom imdejqin għal diversi raġunijiet: persuni li jixtiequ li għandhom partner, koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal, anzjani li jħossuhom waħedhom: dawn iż-żminijiet jafu jfakkruhom fuq id-dwejjaq tagħhom iktar minn żminijiet oħra, speċjalment bil-midja soċjali.

Hawn huma xi suġġerimenti li persuni jistgħu jagħmlu biex inaqqsu d-dwejjaq tagħhom f’dawn il-festi.

  • Ara li tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tiegħek. Jekk għadu kif miet xi ħadd, jekk qed tħossok waħdek; aċċetta li d-dwejjaq qiegħdin hemm. Billi żmien il-Milied, ma jfissirx li għandek tkun kuntent il-ħin kollu. Agħti ċans lilek innifsek biex tibki u tesprimi lilek innifsek.
  • Sib l-għajnuna. Jekk qed tħossok iżolat, fittex għajnuna mingħand familja, ħbieb, NGOs lokali, jew komunitajiet reliġjużi.
  • Agħmel xi ħaġa ta’ ġid. Taf tħossok kuntenta tagħmel xi xogħol volontarju jew tgħin lil ħaddieħor. Agħti donazzjoni lil karità, ċempel lil xi ħadd li taf li qiegħed waħdu.
  • Ippjana minn qabel. Jekk taf li tħossok anzjuż bl-affarijiet li trid tixtri, l-ikel li trid issajjar, id-dekorazzjonijiet li trid tagħmel, ibda ppjana minn qabel. Tista’ tagħmel lista tal-affarijiet kollha li trid tagħmel. Din il-ħaġa tgħinek biex ma jkollokx ansjetà estrema fl-aħħar.
  • Tgħallem għid ‘le’. M’hemmx għalfejn tagħmel kull ħaġa li ġejt mistieden tagħmel. L-iktar ħaġa importanti hi s-saħħa mentali tiegħek.
  • Sib il-pożittiv f’ħajtek. Għandek affarijiet sbieħ f’ħajtek. Sib ħin biex tirrifletti u ssib x’inhuma.
  • Illimita l-ħin fuq il-midja soċjali. In-nies jitfgħu affarijiet sbieħ biss fuq il-midja soċjali. Jekk qed tħossok waħdek u vulnerabbli, jaf ma tkunx idea tajba li tara dawn l-affarijiet.
  • Sib ħin għalik. Iddedika ħin għalik. Sib attivitajiet li tħobb tagħmel: mur mixja, kul bil-qis, ara li jkollok biżżejjed ħin ta’ rqad, agħmel attività fiżika, agħmel eżerċizzji bħal meditazzjoni u yoga.

Il-Milied huwa żmien partikolari ħafna. Ftakar dejjem li m’intix waħdek u kulħadd ikun għaddej minn emozzjonijiet u ħsibijiet diversi. Dejjem fittex l-għajnuna, sib ħin biex tirrifletti, agħmel eżerċizzju u ffoka fil-pożittiv.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks