Nitkellmu ma’ Indri Attard dwar Enzo Gusman

Indri, għal min ma kienx jafu personali, kif tiddeskrivi lil Enzo?
Enzo kien persuna speċjali ħafna. Min ma jkunx kellmu jista’ jkun li jieħu impressjoni li jrid jgħallem, però li kien perfezzjonist hija veru imma li ssir tafu mill-viċin tibda tifhem kemm it-tali li kien iwassal kellu skop ġenwin.
Kif sirt tafu personali, u kif kienet ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?
Sirt nafu għax fl-1994 skoprejtu fuq ir-radju. Ġenninni għal warajh bil-programmi li kien itella’. Ħlift li nsir ħabib tiegħu u kienet faċli. Enzo kien jagħmel ħbieb ma’ kulħadd f’sekonda.
Enzo u l-familja. X’kienet tfisser għalih il-familja?
Enzo kien maqsum min-nofs. Il-maġġorparti taż-żmien jaħdem mid-dlam sad-dlam f’Malta u familtu jgħixu l-Kanada. Wara l-mewt ta’ ommu telaq ħdejn familtu għal kollox. Kien iħobbhom b’mod li ma tispjegahx. Martu Carmen kienet ġojjell għalih. Jitkellem dwarha kontinwament, u uliedu u n-neputijiet għalih kienu n-nifs tiegħu.
X’kont tammira l-aktar f’Enzo?
Enzo kien trasparenti. Kollox mikxuf litteralment. Li jaħseb jgħidu. Però kellu kariżma speċjali u kien kapaċi jikkoreġi żbalji tiegħu stess.
Liema mumenti miegħu l-aktar li tgħożż?
Enzo kien iħobbni daqs li kieku kont ibnu. Ma nistħix ngħid li wara konverżazzjoni fuq it-telefown kien jispiċċa b’I love you. Kont inħobbu ta’ vera u hu kien jaf.
Hemm xi ħaġa li int personali tgħallimt mingħandu?
Tgħallimt inkun xandar li jisma’. Li l-aqwa programm għadni ma ppreżentajtux u li l-lingwa Maltija jixirqilha li tixxandar bl-aħjar mod possibbli. Kultant kont inħossu qed jesaġera u mhux l-ewwel darba li illatikajna.
Hemm xi ħaġa li kien qallek u li baqgħet dejjem f’moħħok?
Impossibbli nsemmi ħaġa waħda. Li hu żgur li nkun f’ħafna sitwazzjonijiet li jġiegħluni niftakar fih.
X’impatt tħoss li għamel f’pajjiżna?
Enzo kien leġġenda. Ħalla impatt qawwi fix-xandir u ħalla impatt qawwi fil-mod kif illum qed napprezzaw iktar il-kantanti Maltin. Enzo kien jeleva ‘l fuq lill-kantanti l-oħra. Jekk tinnota ftit jagħmluha.
Kellek kuntatt miegħu dan l-aħħar?
Iva. Kelli l-privileġġ li nikkomunika permezz ta’ video calls bis-saħħa ta’ martu. Bi prudenza kont inħalli lilhom iċemplu u kif jgħeja jitkellem konna nieqfu. Kont naqsam qalbi u anke bkejna flimkien.
X’tista’ tgħidilna dwar Enzo li forsi ftit nies jafu?
Li għalkemm kien jidher arjuż f’xogħlu kien jibża’ ħafna. Enzo ma kienx konxju tal-popolarità tiegħu u niftakar li fl-2006 waqt li kont qed norganizzalu l-aħħar kunċert tiegħu nipprova nipperswadih li n-nies iriduh. Kien jibża’ li m’għadux jattira n-nies bħal qabel u meta wasal il-waqt kien tani r-raġun. Teatru ippakkjat u kunċert memorabbli. Kien bravu wisq.
Tiftakar xi mument umoristiku li qsamtu flimkien?
Kien iħobb jidħak iżda l-maġġoranza tal-ħin konna nkunu qed nitkellmu dwar affarijiet serji. Hemm ċajt li ma kienx ikun tajjeb għal fuq il-palk u allura kien jibqa’ bejnietna.
X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek dwar Enzo?
Enzo għallimni naħfer. Enzo weġġgħuh nies b’mod gravi fuq livell li bniedem komuni kien jaħsibha ħafna drabi jekk jaħfirx. Enzo kien speċjali wisq, ma rridx nagħtih titli minn issa, inħalli ż-żmien isajru l-bajtar.

Direttriċi u Editriċi