Adam James qatt ma kien joħroġ barra mid-dar. Qatt ma kien jilgħab ma’ tfal oħra. Qatt ma kienu jlibbsuh sabiħ. Qatt ma kien joħroġ barra fix-xemx.
U aktar ma beda għaddej żmien, donnhom aktar bdew jarawh ikrah.
“Illum għeluq sninek, Adam James………….” qaltlu dakinhar ommu Antonia.
U hu feraħ.
Ħares lejn ommu u missieru.
Kienu qiegħdin jagħmlu xi ħobż u frott f’ċestin żgħir tal-qasab.
Kienu qiegħdin ilibbsuh tibdila sabiħa!
Kienu qiegħdin jagħmlulu xagħru!
Għajnejh bdew ileqqu!
Kien qed jitbissem!
Kien se joħroġ barra għall-ewwel darba!
U hekk malli daħlu bih fil-karozza, ħares lejn ommu b’mod eċċitat.
“Fejn sejrin, ma?” staqsiha mis-sedil tan-naħa ta’ wara tal-karozza ta’ missieru.
“Dawra bid-dgħajsa,” weġbitu Antonia.
U waslu fuq xtajta sabiħa.
Ramel.
Mewġ żgħir jilgħab max-xtajta.
Kemm feraħ Adam James!
Telgħu fuq id-dgħajsa tagħhom li kienet marbuta mal-moll fin-naħa tal-blat u ħarġu ‘l barra.
Adam James bilkemm ried jemmen lil għajnejh!
Qatt ma kien ra dak il-ġmiel kollu!
“Mamà, irrid nara l-mewġ!” qalilha Adam James, jersaq fuq il-pruwa ħalli jara l-baħar aħjar.
U Antonia resqet warajh.
Adam James ta daqqa t’għajn lejn ommu u ra għajnejha jixegħlu b’mod mhux normali.
U dak il-ħin, Antonia ħarset lejn żewġha.
U Donald għamlilha iva b’rasu.
Ma kienx hemm bżonn kliem.
Imbuttatu.
Kemm tatu daqqa żgħira fuq dahru u ratu nieżel ġol-baħar.
Ma tawx kasu jipprova jżomm fil-wiċċ.
Lanqas baqgħu fil-post ħalli jisimgħu leħnu ċkejken jipprova jsejħilhom ħalli jsalvawh.
“Ibni jinsab nieqes……….” kienet infurmat lill-pulizija Antonia.
Iżda liċ-ċkejken Adam James ħadd ma kien sabu.
U donnhom kienu qegħdin aħjar mingħajru, għalkemm quddiem in-nies, kienu jagħmluha tal-vittmi.
Għaddiet sena.
“Donald,” qalet Antonia lil żewġha dakinhar filgħaxija hekk kif kienu qiegħdin għall-irdoss tal-fuklar. “Jiena tqila.”

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks