Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima ħabbar li l-iskejjel u ċ-ċentri ta’ childcare se jinfetħu mill-10 ta’ Jannar.
Madanakollu, il-Ministru qal li qabel din id-data, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi se jibdew it-tieni term skolastiku b’mod onlajn fid-data rispettiva tagħhom.
Intqal ukoll li s-sitwazzjoni fl-iskejjel u fil-klassijiet se tibqa’ tiġi evalwata minn jum għal ieħor skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Min-naħa l-oħra, l-università se tiftaħ il-bibien tagħha b’mod normali għas-sessjonijiet tat-tagħlim prattiku fit-3 ta’ Jannar. Mill-10 ta’ Jannar, it-tagħlim se jkun b’mod fiżiku jew onlajn skont id-diskrezzjoni tal-fakultajiet rispettivi.
L-eżamijiet fl-Unversità huma ppjanati li jsiru kif diġà stabbilit. Fil-każ ta’ studenti li jinqabdu b’każ mediku relatat mal-Covid, dawn se jingħataw l-opportunità li jiġu assessjati f’temp ta’ ftit ġimgħat wara minflok f’Settembru.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li fis-sitwazzjoni attwali għadha ssostni li se tkun diffiċli li l-iskejjel joperaw fl-ewwel ġimgħat tas-sena. Qalet ukoll li l-ftehim milħuq hu kompromess u fl-ewwel jiem, meta t-tagħlim isir onlajn, it-tmexxija ta’ kull skola se tara s-sitwazzjoni dwar staff fi kwarantina jew leave ta’ mard. Żiedet tgħid li meta t-tmexxija ta’ skola jidhrilha li skola, klassi jew grupp ma jistgħux jattendu minħabba nuqqas ta’ staff, l-istudenti jintalbu jibqgħu d-dar.
