U fil-verità, it-tnejn li huma beżgħu xi ftit.
Issa jekk terġa’ tkun tarbija kerha bħal ma kien Adam James?
Iżda oħroġ il-għaġeb, din id-darba kienet tarbija sabiħa.
Tifla.
Tifla l-ġmiel tagħha.
Kemm kienet tixbaħhom!
Eżatt sabiħa bħalhom!
“Trudy…………insemmuha Trudy!” għajtet b’ħanġra daqsiex Antonia, hekk malli rat il-ġmiel ta’ tarbija quddiemha.
U beda għaddej iż-żmien.
Kullimkien kienu jeħduha magħhom!
Ikliet!
Festini!
Kienu saru joħorġu biha!
Juruha!
U jieħdu gost ifissdu fiha!
U dakinhar kienet se tagħlaq l-erba’ snin.
“Immorru dawra bid-dgħajsa llum Trudy!” qaltilha dakinhar Antonia, vera eċċitata.
Ġieli kienu jmorru jduru xi dawra bid-dgħajsa li kellhom.
U marru x-xtajta.
Telgħu fuq id-dgħajsa.
Lil Trudy poġġewha quddiem nett ħalli tkun tista’ tosserva l-ġmiel tan-natura.
“Mamà, ejja waħda! Ejja ħdejja!” sejħet Trudy lil ommha hekk kif ħarġu ‘l barra.
Antonia marret ħdejn Trudy.
Qabditha minn wara u flimkien bdew josservaw il-mewġ żgħir żgħir li kienet qiegħda tferraq id-dgħajsa.
“Mamà, terġax twaddabbni l-baħar bħal ma għamilt l-aħħar darba!” qaltilha Trudy.
Antonia ħarset lejn bintha.
Ħasset griżmejha jinxfu.
Ħasset rasha ddur biha.
Donald ra għajnejn Trudy donnhom ileqqu b’mod mhux normali.
Telefonata.
Pulizija.
Instabet dgħajsa fuq wiċċ il-baħar.
Vojta.
Le, stenna.
Kien hemm tifla fuqha.
Waħedha.
Ma kien hemm ħadd magħha.
“Fejn huma l-ġenituri tiegħek?” staqsewha l-pulizija.
Trudy ħarset lejhom u tbissmitilhom bilmod.
“Jien m’għandix ġenituri,” weġbithom. “Ġejt dawra bid-dgħajsa. Waħdi.”

Avukata u Awtriċi