Waħda mit-traġedji li bħalissa qiegħdin fuq fomm kulħadd hija dik li wasslet għat-telfa kbira mhux biss għall-familja tiegħu u dawk qrib tiegħu, iżda wkoll għall-pajjiżna, partikolarment dawk il-pazjenti kollha li xi darba jew oħra kellhom kuntatt ma’ Dr Calvagna.

Victor Calvagna, Konsulent tat-tfal morda bil-kanċer u President ta’ Puttinu Cares, miet fl-età ta’ 63 sena, ġimgħa wara li ttajjar minn karozza.

Il-mewta traġika tiegħu qajmet reazzjonijiet u emozzjonijiet ta’ diqa, dispjaċir, u forsi anki ta’ rabja, iżda qajmet ukoll reazzjonijiet ta’ mħabba, apprezzament u gratitudni lejn dan il-bniedem li ddedika ħajtu għal dawk li kienu jiġu bżonn is-servizz tiegħu.

Ħafna nies, partikolarment pazjenti u familjari tagħhom qed isellmu lil Dr Calvagna u jesprimu l-impatt li ħalla f’ħajjithom iddeskrivuh mhux biss bħala l-konsulent tagħhom jew ta’ wliedhom iżda wkoll ħabib, li kienu jsibuh f’kull ħin tal-ġurnata.

Bosta semmew il-fatt li mingħandu mhux biss irċevew għajnuna medika iżda wkoll sapport morali li għenhom jikkumbattu ż-żmien diffiċli li kienu fih.

Bla ebda dubju, Dr Calvagna se jibqa’ ħaj fil-qlub, u l-ħajja ta’ dawk li xi darba jew oħra kellhom kuntatt miegħu, u fil-legat li ħalla warajh.

Bħala tislima xierqa lil Dr Calvagna, u sapport lill-familja tiegħu u dawk qrib tiegħu, ħsibna biex nistaqsu lilek li qed taqra dan l-artiklu sabiex taqsam magħna hawn taħt, il-memorji tiegħek ma’ dan il-Konsulent tant maħbub u x’impatt għamel f’ħajtek.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks