Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Rebecca Paris, spjegat kif hija kienet persuna kontra l-moviment River of Love u Gordon Manché, qabel ma hi tgħid li saret taf lil Kristu.
Hija qalet li għall-ewwel kienet kienet indeċiża għandhiex tattendi minħabba dak kollu li kienet tisma’ dwar ir-River of Love iżda meta marret u ltaqgħet magħhom saret tħobbhom.
Hija ħeġġet lin-nies biex jattendu u jingħaqdu mar-River of Life u ma jagħtux kas x’jintqal.
Filwaqt li semmiet kemm il-moviment għenha u biddlilha ħajjitha, qalet li kull min jgħajjar lilhom ikun qed jgħajjar lilha wkoll, u lesta li tiddefendihom.
Aktar kmieni Rebecca Paris tellgħet ukoll filmat, fejn esprimiet il-ħsibijiet tagħha dwar dak li qed jintqal b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Paulina Dembska.
Filwaqt li qalet li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, sostniet li ċerti tgħajjir u malafama għandhom bżonn jinqatgħu.
Dwar il-każ ta’ Paulina Dembska qalet li jiddispjaċiha għall-familja tal-vittma u anke tal-allegat qattiel u għandhom bżonn it-talb. Madankollu, hija qalet li mhuwiex sew li jeħel Gordon Manché jew xi membri tal-moviment River of Love.
Rebecca qalet li jattendu ħafna żgħażagħ li fi kliemha, ikunu nħelsu minn ċerti vizzji u dawn iġibu lil ħaddieħor bit-tama li jsir l-istess magħhom. Waqt dan, hija qalet li rat ħafna ġid iseħħ quddiem għajnejha.
Skont Rebecca Paris, kien proprju dan li ġara fil-każ tal-allegat qattiel ta’ Paulina Dembska. Hija spjegat kif membru ta’ River of Love, li għamel ħafna ġid, prova jgħinu biex jara trasformazzjoni fih.
Fl-istess waqt hija kkonfermat li l-allegat qattiel attenda darba, u ġara li ġara, imma m’għandhomx jeħlu n-nies tar-River of Love.
Fil-filmat, tirreferi wkoll għal Gordon Manché, bħala bniedem ta’ Alla, u magħżul.
