Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit.
It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali.
Fl-aħħar!
Fl-aħħar kien se jpattihielha!
Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku!
U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini.
Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon.
Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha.
Kull ma kien jaf kien isimha.
Agnes Abela.
U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu!
Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess.
Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti!
Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn………….
“Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta.
Agnes Abela.
Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka!
Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili.
Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin.
Lilu.
Lil Neil Frendo.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi