Select Page

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-preżentatriċi u kantanta Stephanie Chircop, esprimiet il-ħsibijiet u t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni preżenti relatata mal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta.

Fil-post tagħha, Stephanie staqsiet għaliex l-awtoritajiet spiċċaw jiġġieldu u jippersistu man-nies biex jieħdu t-tilqima, u staqsiet għaliex, fi kliemha, bl-istess argument, ma jiġux projbiti s-sigaretti li jagħmlu ħsara biss.

Hija sostniet li dan kollu qed isir minħabba l-flus. “Spiċċajna ngħixu ġo dinja fejn qed noqtlu lil xulxin minħabba l-flus.”

Stephanie ikkritikat b’mod qawwi ċerti deċiżjonijiet li qiegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet. Qalet li l-poplu qed jaċċetta li jitnaqqru d-drittijiet tal-bniedem.

Filwaqt li semmiet il-pjan li qed jissemma biex persuni fi kwarantina jkunu jistgħu jivvutaw, hija staqsiet għaliex allura persuni li jkunu pożittivi għall-Covid ma jitħallewx iduru bil-karozza.

Saħqet li qed jittieħdu d-drittijiet għal-libertà, tal-għażla u tal-moviment u li dan kollu qed isir skapitu tal-vulnerabbli u l-innoċenti.

“Se ġġibuna priġunieri ġo djarna stess! Nies, qumu minn hemm! Iktar qed jimirdu nies b’mard mentali milli bil-Covid! Però aħna għandna s-setgħa li nbiddlu dan kollu! Flimkien niġbdu ħabel wieħed!”

Stqarret li s-soltu qatt ma tikkumenta b’dan il-mod u li dejjem iġġib rispett lil kulħadd iżda ma tiflaħx issofri aktar inġustizzji u tkun xhud ta’ inġustizzji li qed isiru.

Stephanie ħeġġet lin-nies biex iqumu u jitkellmu, u jagħmlu xi ħaġa dwar dan kollu li qed jiġri.

Talbet ukoll lill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex ma jħallux lill-pajjiżna jegħreq.

“Intom min intom, aħsbu f’uliedkom u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin! Jien ma nibża’ minn ħadd! Minn Alla biss nibża’! Imma uliedi bla vuċi u min hu vulnerabbli wkoll! Aħsbu b’imħabba, empatija u tolleranza u agħmlu l-għażliet ġusti.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks