Ftit tal-jiem ilu, il-kantant Matthew Attard magħruf bħala Il-Kalakku nieda kanzunetta ġdida b’messaġġ pjuttost b’saħħtu u dirett.
Mara, kanzunetta miktuba minn Matthew stess, tittratta l-vjolenza domestika fuq in-nisa u t-tbatija, ħafna drabi fis-silenzju, li jgħaddu minnha.
Meta staqsejna lil Matthew x’kien li wasslu biex jikteb kanzunetta bħal din, qalilna li kien il-fatt li minkejja li hawn ħafna għarfien kontra l-vjolenza domestika, xorta jibqgħu jiġru każijiet u traġedji u għaldaqstant kiteb il-kanzunetta bit-tama li l-messaġġ tagħha jkun aktar effettiv.
Il-kanzunetta hija ddedikata għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor sfaw vittma ta’ vjolenza domestika, u dawk li tilfu wkoll ħajjithom, riċentament Paulina Dembska.
Jispikka wkoll il-messaġġ minn Matthew fl-aħħar tal-filmat, li ġie rrekordjat minn Gilkicker Music u ffilmjat minn Marlon Polidano, fejn ġibed ukoll l-attenzjoni li s-sitwazzjoni tista’ tkun ukoll viċi versa.
