L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li aktar minn nofs in-nies fl-Ewropa se jkunu infettati bil-varjant Omicron fix-xahrejn li ġejjin jekk l-infezzjonijiet ikomplu bir-rata attwali.
Waqt konferenza stampa, id-direttur reġjonali Hans Kluge wissa li l-varjant Omicron qed jirrappreżenta mewġa oħra mill-punent għal-lvant madwar ir-reġjun Ewropew.
Huwa qal li b’din ir-rata, qed jiġi mbassar li aktar minn 50 fil-mija tal-popolazzjoni fir-reġjun se tkun infettata bl-Omicron fis-6 sa 8 ġimgħat li ġejjin.
Ir-reġjun Ewropew tal-WHO jinkludi 53 pajjiż u territorju inklużi diversi fl-Asja Ċentrali. Kluge qal li 50 minnhom irrappurtaw każijiet tal-varjant Omicron.
Skont il-WHO, 26 minn dawk il-pajjiżi irrappurtaw li aktar minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni tagħhom kienu qed jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 kull ġimgħa, u li aktar minn seba’ miljun każ ġdid ġew irrappurtati fl-ewwel ġimgħa tal-2022 fir-reġjun.
B’referenza għad-dejta miġbura matul l-aħħar ftit ġimgħat, Kluge qal li l-varjant ġie kkonfermat li huwa aktar trażmissibbli u l-mutazzjonijiet li għandu jippermettulu jaderixxi maċ-ċelloli umani b’mod aktar faċli, u jista’ jinfettaw anke lil dawk li jkunu ġew infettati jew imlaqqma qabel.
Madankollu, Kluge saħaq ukoll li l-vaċċini approvati jkomplu jipprovdu protezzjoni tajba kontra mard sever u mewt, inkluż għall-Omicron.
Minkejja rapporti ta’ numru kbir ta’ każijiet mingħajr sintomi u proporzjon aktar baxx ta’ dħul fl-isptarijiet għal każijiet tal-Omicron, il-WHO qalet li għadu kmieni wisq biex il-virus jitqies bħala wieħed endemiku, jiġifieri virus ħafif li jaqbdek regolarment bħall-influwenza.
