Hemm diversi raġunijiet għaliex il-partner jista’ jkun qed jgħir. Jista’ jkun li hemm xi ħadd barra mir-relazzjoni li jhedded lill-partner tiegħek. Huwa possibbli li l-partner tiegħek qed jgħir għar-relazzjoni li għandek ma’ ħabib jew ħabiba tiegħek . Fl-artiklu li għadda tkellimna dwar x’għandu jagħmel wieħed meta jħoss mumenti t’għira fir-relazzjoni tiegħu.

F’dan l-artiklu se nkunu qed nittrattaw x’tista’ tagħmel inti, il-persuna li qiegħed fir-relazzjoni ma’ xi ħadd għajjur.

L-ewwel sitwazzjoni li se nittrattaw hija kif tinduna li l-partner tiegħek qed jgħir:

Aċċetta l-emozzjonijiet tiegħu. Wieħed mir-rwoli tiegħek fir-relazzjoni huwa li taċċetta l-emozzjonijiet tal-partner tiegħek, anke jekk ma jogħġbukx. Importanti li tieħu ħsieb billi tiddiskutu l-emozzjonijiet tagħkom flimkien bħala koppja.

Ifhem għaliex il-partner tiegħek qed jgħir għalik. Minkejja li l-għira mhijiex emozzjoni sabiħa, dan ikun ġej minn biża’ li l-partner se jitilfek. L-għira qed tirriżulta f’ħafna rabja u uġigħ. Dan huwa r-riżultat ta’ esperjenzi negattivi li ltaqa’ magħhom fil-passat. Xorta waħda, inti tista’ tkun hemm għall-partner tiegħek.

B’dan il-mod, qed turi lill-partner empatija. Meta tkun hemm għall-partner tiegħek, qed turih li minkejja li ma taqbilx mal-għira tiegħu, inti xorta qiegħed hemm għalih biex tisimgħu u tagħtih sapport.

Ifhem li mhuwiex faċli għall-partner tiegħek speċjalment jekk persuna tkun għaddiet minn infedeltà ġo relazzjoni passata. Il-partner tiegħek mhux qed jgħir għalxejn, hemm raġuni valida għaliha. Ikkomunika sew mal-partner tiegħek biex tifhem x’inhu dak li jikkawżalu dwejjaq, x’inhu dak li weġġgħu u x’inhu dak li qed jagħmlu jgħir?

Aħseb fuq x’tista’ tagħmel inti biex il-partner tiegħek ma jħossux hekk. Jekk inti tibgħat messaġġi lil xi maħbub li kellek fil-passat, jew għandek ħabib li għandu ħafna kunfidenzi żejda mieghek, ara x’tista’ tagħmel biex toħloq sens ta’ sigurtà lill-partner tiegħek.

Mhijiex sitwazzjoni faċli meta l-partner tiegħek jgħir, għax l-għira ġġiegħel lill-partner tiegħek jipprova jikkontrollak. Ir-relazzjonijiet jirrikjedu sagrifiċċju miż-żewġ naħat. B’dan il-mod il-partner tiegħek ukoll għandu jkun flessibli għall-bżonnijiet tiegħek.

Il-komunikazzjoni hija importanti u essenzjali biex ir-relazzjoni taħdem b’mod effiċjenti . Għandek raġun li tħoss dwejjaq tara lill-partner tiegħek jgħir, speċjalment jekk inti ma tkunx tajt raġuni għall-emozzjonijiet tiegħu.

Huwa importanti li xorta waħda turi sapport u sens ta’ sigurtà fir-relazzjoni tiegħek għaliex il-partner tiegħek mhux iħossu sikur minħabba l-għira tiegħu. Ara li intom it-tnejn qiegħdin tadattaw għal xulxin, u li mhijiex relazzjoni li ġejja minn partner wieħed. Tiddejjaqx titkellem dwar l-emozzjonijiet tiegħek mal-partner tiegħek.

Jekk tixtieq taqra iktar dwar dan is-suġġett tista’ taqra iktar dwaru fl-artiklu: “Infittex fil-mowbajl tal-partner waqt li tkun rieqda” – Kif l-għira taffettwa r-relazzjoni?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks