Tiżdied il-pressjoni fuq il-Prim Ministru tal-Ingilterra Boris Johnson biex jirriżenja wara li rapporti żvelaw li saru żewġ staff parties f’10 Downing Street, l-uffiċċju tal-Prim Ministru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip.

Fir-rapporti ġie żvelat li f’dawn il-parties kien hemm nies jixorbu u jiżfnu, u saħansitra xi ħadd minnhom mar jixtri b’bagalja biex jimliha bil-fliexken tal-inbid. Dan kollu seħħ meta l-pajjiż kien f’perjodu ta’ luttu nazzjonali u qabel ma r-Reġina kellha toqgħod bilqiegħda waħedha fil-funeral ta’ żewġha minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Dawn ir-rapporti ma ġewx miċħuda, tant li l-uffiċċju tal-Prim Ministru talab skuża lir-Reġina.

Ġie rrappurtat li ż-żewġ parties saru fis-16 t’April tal-2021 u baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-kelliem tal-Prim Ministru qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li dan seħħ fi żmien ta’ luttu nazzjonali.

Skont rapporti, Boris Johnson ma kienx preżenti fl-ebda party iżda qed jiffaċċja mistoqsijiet dwar allegat ksur tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 f’10 Downing Street.

Dan għaliex dak iż-żmien, il-pajjiż kien taħt restrizzjonijiet stretti tal-Covid-19 li jipprojbixxu s-soċjalizzazzjoni ma’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar.

Dawn ir-rapporti ħarġu wara oħrajn li żvelaw li l-Prim Ministru Boris Johnson attenda party fil-ġnien ta’ Downing Street waqt l-ewwel lockdown tal-Covid-19. Lanqas dawn ma ġew miċħuda għaliex Boris ammetta u skuża ruħu talli attenda, minkejja li żied jgħid li l-party kien organizzat skont il-protokolli.

Diversi membri parlamentari konservattivi u mill-partit Laburista qed jinsistu għar-riżenja ta’ Boris Johnson.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks