L-Ingliżi jgħidu li l-qtates għandhom disa’ ħajjiet, imma aħna l-Maltin ngħidu li għandhom biss sebgħa.

Kien x’kien, waħda mill-affarijet li żżomm il-qtates b’saħħithom hija dik il-mjaw karatteristika tagħhom, li l-ħoss tagħha għandu l-unità tal-frekwenza ta’ minn 22 sa 45 hertz, li jintuża ħafna waqt it-terapija. Jingħad li dawn il-vibrazzjonijiet huma fenomenu, għax jistgħu jtaffu d-dipressjoni, ifejqu xi mard, u jirrestawraw u jirriġeneraw xi tessuti tal-ġisem.

Jista’ jkun ukoll li jibqgħu b’saħħithom minħabba li t-temperatura tal-ġisem tagħhom hija ta’ minn 2-3 gradi ogħla mit-temperatura tagħna.

Leġġenda antika tgħidilna li l-qtates idumu ħajjin għax huma l-ħolqa bejn din id-dinja u l-eternità, u għaldaqstant l-allat huma grati lejhom, u jħalluhom jgħixu f’din id-dinja iżjed minn annimali oħrajn. Dan isir billi wara li jmutu, jiġu rinkarnati, sakemm wara d-disa’ darba, jibqgħu mal-allat għal dejjem ta’ dejjem.

Kien hemm żmien, iżda, li billi l-għajnejn tal-qtates ileqqu fid-dlam, kienu meqjusin bħala annimali malinni, jew saħanistra, sħaħar li kienu jsiru qtates kif jaqa’ d-dlam.

Imma… u din hija l-imma… il-proverbju jgħidilna li l-qattus miet għax kien kurjuż.

Issa jekk il-kurżità hija ħażina għal annimal daqshekk fabbli u gustuż… u li għandu iżjed minn ħajja waħda… kif inhu l-qattus, mela kemm hi ħażina iżjed għalina l-bnedmin, il-kurżità?

Issib min hu sindikajr – dejjem moħħu f’ħaddieħor, u dejjem jistaqsi dwar ħwejjeġ li mhumiex affari tiegħu.

Aħna nafu li jekk trid iżżomm sigriet, m’għandek tgħidu lil ħadd, lanqas lil xi ħadd li tgħidlu biex ma jgħid lil ħadd. Imma dawn in-nies għandhom il-ħabta jindagaw bil-fin, u jiskopru dak li suppost jinżamm mistur, b’tali mod li int lanqas biss tkun taf li ftaħt qalbek magħhom, u, iżjed u iżjed, li tajthom xi dettalji fuq ħaddieħor, li int ma kellek l-ebda dritt tikxifhom.

Li jkollok kurżità xjentifika jew filosofika li toħloq riċerka, ma fiha xejn ħażin. Iżda meta jkollok vizzju li qisek qed tinterroga lil xi ħadd, meta tistaqsi waħda f’waħda, bl-iskuża li “jekk ma tkunx taf kollox ma tkunx tista’ tgħin”, hawn naraw in-nuqqas tas-sinċerità.

Billi titkixxef sal-inqas dettal trivjali, għax issib lil xi ħadd debboli u vulnerabbli, ma tkunx qed tgħin, iżda tfixkel, għax ara kemm se jinkwieta dak li jkun, iżjed tard, meta jiftakar li kixef kollox – jafdak kemm jafdak. U int? Eh, tiftaħar li inti fdata… “…għax taf x’qaltli Joanna, u qaltli biex ma ngħid lil ħadd, imma lilek se ngħidlek għax naf li fommok mitbuq…” u hawn, tirrakonta minn xiex għaddiet dik il-mara li fdatek bis-sigrieti tagħha.

Il-kurżità mhux biss lill-qattus toqtol iżda anki l-ħbiberiji li jkunu ilhom snin.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks