U mhux hekk tgħid?
Din x’kienet ħasbet li hi?
Wara, kienu għaddew xi ġimgħatejn u kienet reġgħet ikkuntattjatu. Malli kien semagħha fuq il-linja għat-tieni darba, kien ħa qata’ ġol-fwied u ħass saqajh jinqatgħu! Ma kellux aptit ħasla oħra!
U din Agnes kienet reġgħet infexxet tkellmu ħażin!
“Lili ma tkellimnix hekk!” kien għajjat magħha u qatagħlha l-linja.
U dik kienet il-bidu ta’ gwerra qalila bejniethom.
Għamel ħabta jaqta’ l-linja malli jisma’ leħinha. Iżda mbagħad kien bagħat għalih id-direttur u qallu li ma setax jittratta lill-klijenti hekk għax minħabba dik il-mara ardita, kien kważi se jitlef ix-xogħol.
“U l-klijenti dejjem għandhom raġun, Neil,” kien qallu dak, b’nofs tbissima, mingħajr ebda idea ta’ kemm kien ilu jissaportiha fuq dik l-imbierka linja tat-telefon.
Hi kienet taf x’jismu.
U hu kien jaf x’jisimha.
Imma s’hemm biss.
Kultant, meta kien ikun kwiet jew għaddej isuq fil-karozza kien joqgħod jaħseb kif setgħet tidher din il-mara li tant kien sar jobgħod.
Imbagħad kien iddeċieda.
Kien jaf fejn kienet taħdem.
Kien jaf x’kien jisimha.
“Għandi bżonn inkellem lil Agnes Abela,” kien qal lill-mara pulita li kien hemm eżatt faċċata malli kien daħal fil-bini.
“Min ngħidilha li inti?” ħarset lejh dik, b’għajnejha mberrqin minn taħt in-nuċċali.
Għal mument kien immuta.
“Jiena Pawlu Borg……..” qalilha minn bejn xufftejn xotti għax ma kienx jaf x’kellu jaqbad jagħmel.
Kemm xtaq jaraha! Xtaq jara l-iżjed mara li kien jobgħod fuq wiċċ id-dinja!
U dik li kien hemm quddiemu qabdet il-linja tat-telefon u mingħajr ma ħallietu jismagħha, fesfset xi ħaġa minn taħt fih u bdiet iddawwar rasha lejh, turih li Agnes ma kinitx se tarah.
“Jiddispjaċini sinjur, imma hawnhekk hawn sigurtà kbira………….is-sinjura Agnes Abela mhix ser tarak!” qaltlu b’vuċi professjonali għall-aħħar, mingħajr emozzjonijiet.
“X’inhu? Imma jiena xtaqt inkellimha………….anzi…….” kien kompla jippersisti.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks