Ir-raġel li rċieva trapjant ta’ qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel u ħallieh paralizzat.
Il-familja tal-vittma żvelat li David Bennett, ta’ 57 sena, kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil Edward Shumaker fl-1988 u ħallieh paralizzat.
Oħt il-vittma, Leslie Shumaker Downey qalet li ħuha miet fl-2007, wara kważi 20 sena ta’ kumplikazzjonijiet mediċi marbuta mal-attakk.
Hija qalet li David Bennett ma kienx denju biex jirċievi t-trapjant. Madanakollu t-tim li għamel l-operazzjoni qal li r-rekord kriminali ta’ xi ħadd qatt ma jista’ jkun raġuni biex jiġi rrifjutat trattament.
L-attakk seħħ f’April tal-1988 meta mart Bennett poġġiet fuq ħoġor Shumaker, li dak iż-żmien kellu 22 sena qalet oħt il-vittma.
Hija qalet li f’mument ta’ għira u rabja, Bennett ta’ daqqiet ta’ sikkina lil Shumaker f’dahru ripetutament.
Bennett instab ħati u ġie kkundannat 10 snin ħabs.
Bħalissa, David Bennett qed jirkupra wara l-proċedura sperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.
It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama li ssalva l-ħajja ta’ Bennett, għalkemm għadu mhux ċar kemm din il-proċedura se ttawwal il-ħajja tal-pazjent.
Oħt Shumaker qalet li Bennett qed jiġi mpinġi bħala eroj u pijunier meta fil-verità mhuwiex. Żiedet tgħid li t-tifħir għandu jkun għat-tobba li rnexxielhom jagħmlu operazzjoni bħal dik u mhux għal Bennett.
Shumaker kien juża siġġu tar-roti wara l-attakk, qabel ma tatu puplesija fl-2005 u miet sentejn wara.
