Celine Dion ħabbret il-kanċellazzjoni ta’ 16-il kunċert li kienu parti mill-Courage World Tour, minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa li għadha għaddejja minnhom.

Il-kantanta Kanadiża qalet li qed tirkupra minn spażmi severi u persistenti fil-muskoli, li kienu qed ifixkluha milli tkompli bix-xogħol tagħha.

Dion kienet ipposponiet ukoll il-pjanijiet li kellha f’Ottubru minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħitha.

Il-kunċerti li ġew ikkanċellati kienu ġew irranġati mill-ġdid biex isiru mid-9 ta’ Marzu sat-12 t’April ta’ din is-sena. Madankollu, minn dak iż-żmien ‘l hawn ġew ikkanċellat waqt li t-tim mediku tagħha jevalwa u jittratta l-kundizzjoni tagħha.

Il-kantanta qalet li kienet verament qed tittama li s’issa kienet se tkun tajba.

Żiedet tgħid li minħabba li l-kunċerti jinvolvu ħafna organizzazzjoni u preparazzjoni, kellhom jittieħdu deċiżjonijiet minn issa li se jaffettwaw ix-xhur li ġejjin.

Qalet ukoll li tkun kuntenta ħafna ladarba terġa’ tikseb saħħitha kompletament lura, kif ukoll li ngħaddu minn din il-pandemija, u tinsab ħerqana biex terġa’ tirritorna fuq il-palk.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks