Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

275g ross mgħolli (jew ara l-metodu li nuża jien aktar l-isfel)

3 zalzett tal-malti, mingħajr ġilda u mqatta’ ftit

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Kuċċarina żejt tal-ġunġlien (sesame seed oil), jew żejt taż-żebbuġa

Żewġ imgħaref ħall tat-tuffieħ

Żewġ kuċċarini soy sauce

Kuċċarina kemmun

Nofs bżaru tal-kulur imqatta’ dadi żgħar

4 faqqiegħ imqatta’ dadi

Nofs karrotta mqatta’ dadi żgħar

Nofs qarabagħlija mqatta’ dadi żgħar

Żewġ imgħaref brunġiel imqatta’ dadi żgħar

Żewġ imgħaref pastard imqatta dadi żgħar

Żewġ imgħaref qara ħamra mqatta’ dadi żgħar

Żewġ spring onions imqatta’

Żewġ sinniet tewm imqatta’

Żewġ chillies (bżar aħmar jaħraq), imqattgħin irqaq u mingħajr żerriegħa

8 cherry tomatoes maqsumin min-nofs

Għat-tiżjin:

Mgħarfa parmesan imfarrak

Mgħarfa tursin frisk imqatta’

Metodu:

  • Poġġi ż-żejt, is-soy sauce, u l-ħall ġo taġen fond fuq nar medju.
  • Kif tara li saħnu ftit, żid il-bżar, il-melħ, u l-kemmun.
  • Ħawwad ftit u żid il-brunġiel, il-qarabagħli, il-pastard, it-tewm, il-bżaru l-ħelu, iċ-chillies, il-karrotta, il-faqqiegħ, l-ispring onions, u l-qara ħamra.
  • Sajjar mikxuf fuq nar medju għal 5 minuti waqt li tħawwad spiss.
  • Żid iz-zalzett u sajjar u ħawwad għal 3 minuti.
  • Żid it-tadam. Ħawwad sew. Baxxi n-nar, għatti t-taġen u ħallih isir għal 5 minuti.
  • Żid ir-ross mat-taħlita li għandek fit-taġen u ħawwad sew għal żewġ minuti biex jitħallat kollox sew.
  • Servi mżejjen bi ftit ġobon parmesan u tursin imqatta’ fil-wiċċ.

Ingredjenti u metodu għal ross safrani – dawn l-ammonti iservu għal bejn 3 u 4 porzjonijiet:

800ml ilma

275g ross, abjad jew brown nej

Kuċċarina mburġata Turmeric powder

Bżar u melħ

  • Ferra’ l-ilma ġo kazzola u poġġiha fuq nar medju.
  • Żid il-bżar u l-melħ, u t-turmeric.
  • Ħallih fuq in-nar sakemm jiftaħ jagħli.
  • Kif jibda jagħli, żid ir-ross.
  • Ħawdu darba waħda biss b’imgħarfa tal-ħadid. Importanti li tuża mgħarfa tal-ħadid.
  • Għatti l-kazzola u baxxi n-nar fuq l-iżghar burner.
  • Ħallih isir għal 20 minuta. Tikxfux u tħawdux għal dawk l-20 minuta.

Nota: Jekk dan ir-ross ma tkunx se sservih ma’ zalza li fiha togħmiet qawwijin bħar-riċetta tal-lum, tista’ żżid kwalunkwe ħwawar mal-ilma qabel ma titfa’ r-ross.

Bħal pereżempju; kari, mixed spice, ħabaq jew sagħtar niexef, lewż imqatta’, u anki dada tal-istokk tal-ħaxix jew tiġieġ jekk tiggosta.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks