Select Page

Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus wissa li l-pandemija għadha m’għaddietx, u qal li x’aktarx ikomplu joħorġu varjanti ġodda wara l-Omicron minħabba li dan tal-aħħar qed jikkawża żieda fil-każijiet globalment.

Il-varjant Omicron, li huwa trażmissibbli ħafna, ġie identifikat għall-ewwel darba fl-aħħar tas-sena li għaddiet u nfirex madwar id-dinja. Dan il-varjant qed iwassal għal numru ta’ każijiet rekord fl-Ewropa u globalment.

Uffiċjali tal-WHO qalu li filwaqt li l-varjant huwa inqas sever bħala medja, xorta qed jikkawża dħul fl-isptarijiet u mewt.

Id-direttur eżekuttiv tal-programm tal-emerġenzi tas-saħħa tal-WHO Mike Ryan qal li wieħed jitkellem dwar dan il-varjant bħala virus ħafif jew inqas sever jagħti l-impressjoni li dan ikun inqas sever fl-impatt tiegħu fuq is-sistema tas-saħħa. Huwa qal li dan mhux il-każ jekk il-virus ikun kapaċi jinfirex bla kontroll fis-soċjetà kollha u għalhekk qed jibqgħu jappellaw biex jinżammu u jiġu segwiti l-miżuri.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħarġet dawn it-twissijiet hekk kif xi gvernijiet qed jissuġġerixxu li jistgħu jittrattaw il-Covid-19 bħala marda endemika, jiġifieri waħda li tinstab regolament fost in-nies bħal virus tar-riħ jew tal-influwenza.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks