“Jekk għandek id-determinazzjoni u s-sapport ta’ dawk ta’ madwarek, li huwa importanti immens, jirnexxilek tagħmel kollox” – Roberta Magri
F’intervista li saret mit-tim tal-programm Awla, id-direttriċi ta’ dan is-sit, Roberta Magri tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha fosthom proprju dan il-proġett, skoperta.net, li għaliha kienet ħolma li rnexxielha twettaq.
Roberta qalet kif minkejja li minn barra tidher li għandha diżabilità, dejjem għamlet ħilitha biex ma tħallix id-diżabilità tkun l-identità tagħha.
Minkejja dan, hija qalet li meta kienet żgħira, kellha l-isfidi tagħha, aktar milli minħabba d-diżabilità, kien minħabba l-karattru tagħha u l-fatt li kienet magħluqa fiha nnifisha. Fil-fatt hija tgħid li dawk li jafuha llum, m’għandhomx idea tal-persuna li kienet dak iż-żmien.
Roberta tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha, dawk tad-drama, il-mużika, il-kitba u l-ġurnaliżmu. Passjonijiet li kollha kemm huma rnexxielha ssarrafhom fil-prattika u twettaq il-ħolm li kellha.
Hija semmiet s-sehem tagħha f’sensiliet televiżivi Maltin, il-kanzunetta li kitbet għall-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika, u ovvjament ma setax jonqos, l-akbar proġett li qatt wettqet f’ħajjitha, dan is-sit, skoperta.net.
Roberta qalet li minkejja li x-xogħol ta’ direttriċi ta’ skoperta.net huwa x-xogħol prinċipali tagħha u li ħafna mix-xogħol tagħmlu hi, iżda ma kienx jirnexxilha tasal sa fejn waslet mingħajr l-għajnuna u s-sapport tal-persuni qrib tagħha, partikolarment il-kuġina tagħha Janice, li hija wkoll direttriċi ta’ skoperta.net, u persuna importanti fil-ħajja tagħha, Patrick, li fi kliem Roberta, jgħinha ħafna u li kieku ma kienx hu ma kinitx tasal sa fejn waslet.
Awla, jixxandar fuq ONE, kull nhar ta’ Ħamis fit-20:35.
