Investigazzjoni Ġermaniża fil-Knisja Kattolika żvelat li l-Papa Emeritu Benedittu XVI naqas milli jieħu azzjoni fuq erba’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal meta kien Arċisqof ta’ Munich.

Il-Papa Emeritu Benedittu, li dak iż-żmien kien jissejjaħ b’ismu, Josef Ratzinger, żamm il-kariga mill-1977 sal-1982.

Minkejja li huwa ċaħad l-akkużi, rapporti ġodda dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż komplew isostnu l-akkużi.

Allegatament, l-abbuż kompla taħt il-mandat tiegħu, u l-qassisin akkużati baqgħu attivi fir-rwol tal-knisja.

F’każ minnhom, huwa allegat li l-Papa Emeritu kien jaf b’qassis akkużat li abbuża minn subien li ġie trasferit fid-djoċesi tiegħu, iżda li mbagħad baqa’ jaħdem fir-rwoli oħra pastorali, li ħafna drabi jinvolvu li jżuru u jissapportjaw nies fil-komunità.

Filwaqt li esprima s-sapport tiegħu għall-vittmi kollha ta’ abbuż minn saċerdoti, fi stqarrija l-Vatikan qal li se jeżamina d-dettalji tar-rapport ladarba jkun ġie ppubblikat.

Il-Papa Emeritu, li llum għandu 94 sena, sar l-ewwel mexxej tal-knisja li rriżenja f’aktar minn 600 sena fl-2013. Minn dakinhar huwa għex ħajja kwieta fil-Belt tal-Vatikan.

Rapport preċedenti dwar l-abbużi sesswali fil-Ġermanja kkonkluda li aktar minn 3,600 ruħ madwar il-pajjiż kollu kienu ġew abbużati minn membri tal-kleru bejn l-1946 u l-2014. Ħafna mill-vittmi kienu subien żgħar ħafna.

Ir-rapport il-ġdid li huwa bbażat fuq iż-żoni ta’ Munich u Freising sab speċifikament mill-inqas 497 vittma ta’ abbuż mill-1945 sal-2019.

Minbarra l-Papa Emeritus, ir-rapport ikkritika membri oħra tal-knisja, fosthom l-Arċisqof attwali tar-reġjun, il-Kardinal Reinhard Marx. Huwa nstab ħati li naqas milli jaġixxi f’żewġ każi ta’ allegat abbuż.

Il-Kardinal diġà offra r-riżenja tiegħu lill-Papa Franġisku f’Ġunju tal-2021, u qal li għandu jaqsam ir-responsabbiltà li għall-“katastrofi” tal-każijiet ta’ abbuż li kienu qed jiġu żvelati.

Madankollu, il-Papa Franġisku rrifjuta li jaċċetta r-riżenja.

Jiem qabel, il-Papa Franġisku kien biddel il-liġijiet kriminali tal-Vatikan, u saħħaħ il-pożizzjoni tal-Knisja dwar l-abbuż sesswali.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks