Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):
Għal-laħam:
8 biċċiet majjal (jien użajt medallions)
Żewġ larinġiet imqatta’ slajsis
200ml stokk taċ-ċanga sħun
4 imgħaref dqiq plejn
Mgħarfa garlic powder
Mgħarfa sweet paprika
Mgħarfa mustard powder
Żewġt imgħaref butir
Kuċċarina soy sauce
Kuċċarina riegnu
Kuċċarina sagħtar
Kuċċarina worcestershire sauce
Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek
Metodu:
- Ħallat id-dqiq, il-garlic powder, is-sweet paprika u l-mustard powder flimkien fuq platt.
- Immartella ftit il-biċċiet tal-majjal jew b’martell tal-kċina jew b’qiegħ ta’ tazza.
- Għaddi kull biċċa majjal mit-taħlita tad-dqiq u ara li jinksew bit-taħlita miż-żewġ naħat.
- Saħħan il-butir fuq nar medju f’taġen ftit fond u kif jisħon, aqli l-biċċiet tal-majjal għal madwar 3 minuti fuq kull naħa, sakemm tara li bdew jieħdu kulur dehebi.
- Issa żid l-istokk sħun. Żid ukoll il-bżar, il-melħ, is-soy sauce, il-worcestershire sauce, is-sagħtar u r-riegnu. Baxxi n-nar, għatti it-taġen u ħallih itektek għal 15-il minuta sakemm il-laħam isir tari.
- Ikxef it-taġen u poġġi slajs larinġa fuq kull biċċa laħam. B’imgħarfa tella’ ftit mill-gravy li għandek fit-taġen fuq kull biċċa laring. Erġa’ għatti t-taġen u ħallih itektek għal 5 minuti.
- Servi immedjatament ma’ kontorn ta’ ħaxix jew patata.
Fir-ritratt ta’ din ir-riċetta se taraw toqlija sempliċi ta’ ħaxix imħallat u patata mimlija l-forn.

Ingredjenti għall-patata mimlija:
8 patatiet imdaqqsa bil-qoxra
Basla maħkuka
Żewġ sinniet tewm imqatta’ rqaq
8 slajsis bejken imqatta’
Nofs kuċċarina chilli flakes
4 mgħaref mozzarella maħkuk
4 cherry tomatoes maqsuma min-nofs
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
Metodu:
- Aħsel u għalli l-patata bil-qoxra f’misħun jagħli għal bejn 15 u 20 minuta sakemm tiġi nofs sajran.
- Sadanittant, saħħan iż-żejt ġo taġen. Żid il-bejken, il-basla, it-tewm u ċ-chilli flakes. Ħawwad u aqli sakemm il-bejken ikun sar sew.
- Tella’ l-patata mill-misħun u aqtagħlha biċċa mill-wiċċ.
- Ħaffer ftit il-patata u neħħi ftit mill-ġewwieni tal-patata.
- Imla l-vojt bit-toqlija tal-bejken.
- Daħħal il-patata fil-forn fuq dixx miksi bil karta tal-forn u aħmiha għal bejn 30 u 40 minuta sakemm iddaħħal ponta ta’ sikkina u tara li saret sew.
- Oħroġ id-dixx u iksi l-wiċċ tal-mili bil-mozzarella u poġġi nofs tadama fil-wiċċ.
- Erġa’ daħħal id-dixx fil-forn għal 10 minuti.

L-ikla t-tajba!
Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi