Select Page

Il-kantanta lokali ta’ 27 sena, Danica Muscat rebħet it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna, kompetizzjoni tal-kant organizzata minn DCapitals Big Band taħt id-direzzjoni ta’ Mro. George Apap, bis-sapport tad-Direttorat Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, Distinct Homes Ltd, kif ukoll it-Teatru Astra, il-post li jospita dan l-ispettaklu mużikali.


Danica interpretat il-kanzunetta ikonika The Best, l-aħħar waħda fost l-24 parteċipant, u ta’ din l-interpretazzjoni, il-ġurija professjonali komposta minn Sylvana Attard, Ludwig Galea u Antonella Vassallo għażlitha kemm bħala r-rebbieħa ta’ Sezzjoni Ċ, kif ukoll tal-festival.

Il-premju tagħha huwa sena kuntratt ma’ DCapitals Big Band fejn tingħaqad mal-kantanti residenti: Jolene Sahman, Fabian Galea u Francesca Sciberras waqt l-ispettakli li jtellgħu matul is-sena li ġejja.


Ir-rebbieħa l-oħra tat-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna jinkludu lil Elisa Buttiġieġ bil-premju Distinct Talent Award; Kylie Micallef u Krista Chircop fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni A; Eliana Gomez Blanco u Maya Cauchi fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni B; u Bradley Debono fit-tieni post ta’ Sezzjoni Ċ.

Ritratt: Kris Micallef


Il-kantanta Danica Muscat żgur li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena tal-mużika lokali, b’parteċipazzjonijiet fil-programm televiżiv Taljan, Io Canto; fil-Malta Junior Eurosong; il-Malta Eurovision Song Contest; is-Summer Hit Song Contest; il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll aktar riċenti; Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija fejn aktar tard din is-sena ħa tkun qiegħda terġa’ tipparteċipa, din id-darba bil-kanzunetta Ossiġnu f’kollaborazzjoni ma’ Kapitlu Tlettax.


F’kummenti li tellgħet fuq il-midja soċjali tagħha, Danica qalet li lanqas biss tista’ temmen, speċjalment meta tħares lejn il-kumplament tat-talent li kien hemm fost il-parteċipanti ta’ din it-tielet edizzjoni.

“Nixtieq nirringrazzja lil Mro. George Apap u l-DCapitals Big Band tax-xogħol siewi tagħhom, lill- membri tal-ġurija li għażlu lili, u fl-aħħar u mhux l-inqas lit-tim tiegħi li m’għandix għalfejn insemmihom wieħed wieħed għaliex jafu li kieku ma kienx għas-sostenn u l-kuraġġ tagħhom, jiena ma nisfidax lili nnifsi”.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks